Sunday, April 14, 2024

Malta u l-Arabja Sawdija bi qbil għal aktar koperazzjoni kummerċjali

Aqra wkoll

Malta u l-Arabja Sawdija qablu dwar il-ħtieġa li jkun hemm aktar koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi fuq numru ta’ setturi, primarjament fejn jidħol il-kummerċ. Dan ħareġ minn laqgħa bilaterali li kellu l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, flimkien mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Arabja Sawdija l-Prinċep Faisal bin Farhan Al Saud.

Din hija l-ewwel darba f’47 sena ta’ relazzjonijiet bilaterali li ministru għall-affarijiet barranin tal-Arabja Sawdija ddeċieda li jiġi f’pajjiżna bl-uniku għan ikun ta’ laqgħa bilaterali mal-ministru għall-affarijiet barranin ta’ Malta. Min-naħa tiegħu, il-Ministru Ian Borg qal li dan il-fatt juri kemm din il-laqgħa kienet waħda strumentali u ta’ importanza. “Permezz ta’ din il-laqgħa strateġika qed nibagħtu messaġġ ċar li wasal iż-żmien li r-relazzjoni tagħna tiżviluppa għal waħda aħjar b’mod partikolari fl-oqsma tal-ekonomija u l-kultura fost l-oħrajn”.

Dr Borg stqarr li jemmen li hemm bżonn ta’ relazzjoni strateġika msaħħa maħsuba biex tiffaċilita n-negozju bejn iż-żewġ pajjiżi. Tul il-laqgħa kien hemm qbil dwar il-bżonn li l-Kummissjoni Konġunta dwar l-Ekonomija tkompli bil-ħidma tagħha u b’hekk jitkattru l-opportunitajiet għan-negozju u għall-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi. Il-Ministru Borg kompla jgħid li jemmen li tliet setturi oħra li hemm potenzjal qawwi ta’ koperazzjoni dwarhom huma s-settur edukattiv, kulturali u turistiku.

Il-Ministru Borg iddiskuta wkoll is-settur tal-enerġija u d-dipendenza minn sorsi differenti. Waqt din il-laqgħa ġie mtenni l-impenn ta’ Malta li fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda tkompli tkun vuċi favur il-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Il-Ministru Borg kompla jgħid kif fuq livell Ewropew, Malta se tkompli tappoġġa r-relazzjonijiet Ewropej mal-Arabja Sawdija filwaqt li tara li r-reġjun tal-Golf Persiku jibqa’ jingħata l-importanza strateġika li jixraqlu.

Matul l-interventi tiegħu, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Arabja Sawdija, il-Prinċep Faisal bin Farhan Al Saud qal li jinsab ottimist ħafna li din iż-żjara f’Malta se tkun qed isservi sabiex jissaħħu r-relazzjonijiet eċċellenti li jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi mhux biss fuq il-livell politiku iżda anke fuq dak kummerċjali. Huwa sostna li bħala pajjiż, l-appoġġ ta’ Malta f’fora internazzjonali dejjem kien apprezzat u awgura lil pajjiżna kull suċċess fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda. Il-Prinċep Faisal bin Farhan Al Saud għamel stedina uffiċjali lill-Ministru Ian Borg sabiex iżur ir-Renju tal-Arabja Sawdija flimkien ma’ delegazzjoni kummerċjali.

Ekonomija

Sport