Friday, December 20, 2024

Malta u l-Libja bi ftehim dwar interconnector għall-provvista ta’ enerġija rinovabbli

Il-Prim Ministru Abela f’laqgħa mal-Prim Ministru Libjan Dbeibah fi Tripli

Aqra wkoll

Malta u l-Libja ffirmaw Memorandum of Understanding għal Koperazzjoni Konġunta dwar interconnector bejn Malta u l-Libja. Dan il-ftehim ġie ffirmat fi Tripli wara laqgħa bilaterali bejn il-Prim Ministru Robert Abela u l-Prim Ministru Libjan Abdul Hamid Dbeibah.

F’taħdidiet bejn iż-żewġ Mexxejja ġew diskussi t-temi tal-enerġija, is-sigurtà u l-koperazzjoni ekonomika bejn iż-żewġ pajjiżi. F’indirizz lill-ġurnalisti fi Tripli wara l-laqgħa mal-Prim Ministru Libjan, il-Prim Ministru Robert Abela fisser il-ftehim iffirmat bħala opportunità tajba għaż-żewġ naħat u qal li jħares ’il quddiem biex ikun hemm proġetti tanġibbli fil-qasam tal-enerġija li bihom igawdu l-popli taż-żewġ pajjiżi.

“Il-Libja għandha potenzjal qawwi biex tiġġenera enerġija rinovabbli u fil-kuntest tar-rieda ta’ dan il-pajjiż li jkun sieħeb strateġiku mal-Unjoni Ewropea jwassal biex Malta tkun lesta li sservi bħala ċentru għall-enerġija l-ħadra li tgħaqqad l-Ewropa mal-Afrika”, sostna l-Prim Ministru Abela hu u jinnota l-importanza ta’ koperazzjoni fuq l-użu ta’ enerġija alternattiva fl-isfond ta’ laqgħa li kellu fil-jiem li għaddew mal-Prim Ministru tal-Italja Giorgia Meloni u fil-kuntest ta’ qbil li ntlaħaq f’Malta din is-sena fis-Summit tal-MED9 bejn il-Ministri tal-Enerġija ta’ disa’ stati membri tal-Unjoni Ewropea li jinsabu fil-Mediterran.

Il-Prim Ministru Robert Abela ddiskuta wkoll ir-rieda għal aktar kollaborazzjoni kummerċjali bejn Malta u l-Libja li tista’ tissaħħaħ bil-possibbiltà ta’ żieda fit-titjiriet diretti bejn iż-żewġ pajjiżi u l-espansjoni ta’ negozji Maltin fl-Afrika ta’ Fuq. Dwar it-tema tas-sigurtà, li fiha ġiet diskussa wkoll il-kwistjoni tal-immigrazzjoni, il-Prim Ministru Abela rringrazzja lill-Gvern Libjan għall-ħidma li qed issir biex jonqsu l-wasliet u rrimarka li l-mudell ta’ koperazzjoni bejn Malta u l-Libja jkun applikat ukoll fuq livell Ewropew mill-Unjoni Ewropea.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka b’mod pożittiv għall-impenji li jeżistu favur aktar stabbiltà fil-Libja u tenna l-appoġġ tal-Gvern Malti biex ikun hemm qbil fuq livell politiku kif ukoll qafas legali li jwassal għal proċess politiku mmexxi mil-Libja għal-Libjani taħt l-awspiċi tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-Prim Ministru Abela assigura li Malta se tibqa’ taħdem biex il-Libja tibqa’ fuq nett tal-aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Unjoni Ewropea.

Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru Malti fiż-żjara uffiċjali fil-Libja kien hemm fost oħrajn il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u s-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol.

Ekonomija

Sport