Monday, December 30, 2024

Malta u l-Montenegro jiffirmaw ftehim ġdid dwar taħriġ diplomatiku

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ ta’ Malta Ian Borg iltaqa’ mad-Deputat Prim Ministru għar-Relazzjonijiet Internazzjonali u Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Montenegro Ervin Ibrahimović għal taħditiet uffiċjali f’Malta, il-Ġimgħa filgħodu.

Matul dawn it-taħditiet, iż-żewġ Deputati Prim Ministri ddiskutew diversi temi ta’ interess reċiproku u affermaw mill-ġdid ir-relazzjonijiet bilaterali eċċellenti li hemm bejn iż-żewġ pajjiżi, ibbażati fuq interessi, valuri u objettivi komuni. Huma ddiskutew opportunitajiet ġodda għal kooperazzjoni eqreb f’diversi oqsma, inkluż it-turiżmu.

Il-Ministru Ibrahimović u l-Ministru Borg iffirmaw ukoll ftehim ġdid għal kooperazzjoni eqreb fit-taħriġ diplomatiku. Dan il-ftehim jipprovdi bażi soda għall-organizzazzjoni ta’ programmi ta’ taħriġ b’mod konġunt, l-iskambju ta’ informazzjoni u esperjenzi relatati mat-taħriġ diplomatiku u kollaborazzjonijiet oħra.

Fi stqarrija għall-midja, wara l-laqgħa, id-Deputat Prim Ministru Borg irringrazzja lill-kontroparti tiegħu mill-Montenegro talli żar Malta, u żied jgħid li t-taħditiet tal-Ġimgħa se jkomplu jsaħħu r-relazzjonijiet pożittivi bejn iż-żewġ pajjiżi.

“Id-diskussjonijiet tagħna ffokaw ukoll fuq il-proċess kontinwu ta’ adeżjoni tal-Montenegro mal-Unjoni Ewropea u l-appoġġ ta’ Malta għall-perspettiva tal-UE tal-Montenegro. Malta hija miftuħa biex tesplora kooperazzjoni mal-Montenegro fil-qafas tal-appoġġ għall-proċess ta’ tkabbir tal-UE,” qal il-Ministru Borg.

Il-kunflitti fil-Lvant Nofsani u l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna kienu wkoll fuq l-aġenda tal-laqgħa. “Malta baqgħet soda fl-isforzi tagħha biex tara li dawn il-kunflitti jiġu solvuti b’mod paċifiku kemm jista’ jkun malajr, u dan jista’ jinkiseb biss permezz ta’ mezzi diplomatiċi,” żied jgħid il-Ministru Borg.

Il-Ministru Borg offra wkoll li jaqsam l-esperjenza ta’ Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Maqgħuda (UNSC) u l-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa (CoE) tal-2025 mal-Montenegro. Il-Montenegro qed jimmira li jiġi elett fil-UNSC għat-terminu 2026–2027 u se jkun qed jieħu post Malta fil-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa fl-2026.

Id-Deputat Prim Ministru Ervin Ibrahimović enfasizza l-impenn kondiviż tal-Montenegro u Malta għar-reġjun tal-Mediterran. Irrimarka wkoll li hemm lok għal kooperazzjoni aktar mill-qrib, speċjalment fl-oqsma tal-ekonomija u t-turiżmu.

“Iż-żjara tiegħi tal-lum hija espressjoni ta’ impenn sabiex nintensifikaw il-kuntatti u nsaħħu d-djalogu politiku, li se jkun qed jinfluwenza wkoll id-dinamika tal-kooperazzjoni tagħna. Il-pajjiżi tagħna għandhom ħafna inkomuni, u rridu nieħdu vantaġġ minn dak il-potenzjal.”

Il-Ministru esprima wkoll gratitudni għall-kooperazzjoni eċċellenti fil-livell multilaterali kif ukoll għall-appoġġ kontinwu ta’ Malta għat-triq tal-Montenegro lejn l-UE.

“Matul il-presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-UE fl-2017, il-Montenegro fetaħ żewġ kapitli u għalaq wieħed temporanjament. Dak iż-żmien, u fis-snin ta’ wara, Malta sostniet b’mod ċar għall-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea, u saħqet li l-politika ta’ tkabbir hija l-aktar għodda b’saħħitha tal-politika barranija tal-UE, u aħna fil-Montenegro napprezzaw ħafna dan,” żied jgħid.

Malta u l-Montenegro bdew ir-relazzjonijiet bilaterali bejniethom fl-2006.

Ekonomija

Sport