Fi sfond tal-fatt li l-kontinent Ewropew qed iħabbat wiċċu ma’ mewġa ġdida ta’ każijiet ta’ Covid-19, esperti ewlenin dwar il-monitoraġġ tal-mard fil-kontinent qed iqiesu li matul din ix-xitwa l-aktar żewġ postijiet siguri se jkunu Malta u l-Portugall.
Jingħad li bħar-Renju Unit, il-biċċa l-kbira tal-Ewropa tal-Punent se tintlaqat b’mewġa ġdida ta’ każijiet ta’ Covid-19 fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, iżda l-Portugall u Malta x’aktarx jevitaw dan minħabba li ż-żewġ pajiżi għandhom rata għolja ta’ tilqim kontra dan il-virus.
F’intervista li saritlu Dr Bruno Ciancio, direttur tas-sorveljanza taċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll tal-Mard (ECDC), qal li qed jiġu osservati tliet xejriet epidemjoloġiċi distinti madwar l-Ewropa hekk kif ir-rati tat-tilqim ivarjaw sostanzjalment madwar il-kontinent. Fil-fatt, fi kliem dan l-espert, il-fattur kritiku huwa l-programm ta’ tilqim mifrux mal-popolazzjoni kollha, inkluż fost l-adoloxxenti.
Dawk il-pajjiżi li mistennija jevitaw milli jkollhom rata kbira ta’ każijiet ġodda huma l-Portugall u Malta li mill-informazzjoni li għandha l-ECDC turi li rnexxielhom ilaqqmu aktar minn 80% tal-popolazzjoni tagħhom. Fil-fatt, il-programm ta’ tilqim f’Malta huwa meqjus bħala suċċess fejn sal-Ħadd filgħaxija kienu ngħataw 879,909 doża tal-vaċċin kontra l-Covid-19. F’pajjiżna wkoll, diġà laħqu ngħataw aktar minn 52,000 doża tad-doża addizzjonali.
Dr Ciancio qal li r-rata għolja ta’ tilqim mhux biss se tkisser ir-rabta bejn l-infezzjoni u l-mard sever, iżda se jkollha wkoll impatt sostanzjali fuq it-tnaqqis tat-trażmissjoni.
Fl-istess waqt, Dr Ciancio sostna li t-tilqim kontra l-influwenza huwa partikolarment importanti.
Dawk il-pajjiżi li għandhom ir-rata ta’ tilqim li bilkemm tlaħħaq il-50%, fejn il-biċċa kbira tagħhom jinsabu fil-Lvant tal-Ewropa, bħalissa qed jitħabtu biex ilaħħqu ma’ mewġa ġdida ta’ każijiet li hija simili, jekk mhux agħar, minn dik li kienet osservata fil-mewġa preċedenti.