Sunday, December 22, 2024

Malta u r-Renju Unit bi ftehim ta’ kooperazzjoni bilaterali

Aqra wkoll

Waqt żjara uffiċjali mis-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Barranin, il-Commonwealth u l-Iżvilupp tar-Renju Unit, James Cleverly, f’pajjiżna, flimkien mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, iffirma ftehim ta’ kooperazzjoni bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi.

Waqt laqgħa bilaterali u konferenza tal-aħbarijiet fil-Mużew tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta, il-Ministru Ian Borg qal li dan il-ftehim huwa frott ħidma li saret fl-aħħar xhur u snin minn bosta diplomatiċi sabiex iż-żewġ popli jgawdu minn relazzjonijiet bilaterali aktar b’saħħithom f’numru ta’ setturi strateġiċi.

Il-Ministru Borg spjega li dan il-ftehim huwa xhieda tar-relazzjonijiet b’saħħithom li diġà jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi u li se jkomplu jissaħħu. “Dan il-ftehim storiku jiffoka fuq il-politika barranija, is-sigurtà, id-difiża, l-amministrazzjoni pubblika, is-saltna tad-dritt, il-kummerċ, l-investiment, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-enerġija, it-tibdil fil-klima, is-sostenibbiltà, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-kultura. Inħares ’il quddiem għall-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim u l-benefiċċji li se jġib miegħu”, żied jgħid il-ministru għall-affarijiet barranin.

Il-Ministru Borg spjega li matul il-laqgħa ġie diskuss ukoll is-suġġett tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda hekk kif iż-żewġ pajjiżi bħalissa qegħdin iservu fuq dan il-kunsill importanti. Intqal li l-kooperazzjoni, anke fuq livell multilaterali, se tkun qed tkompli żżid l-impenn taż-żewġ pajjiżi biex jikkontribwixxu għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali. Matul dawn it-taħditiet kienu diskussi wkoll il-Commonwealth u t-triq ’il quddiem ta’ dan il-forum importanti.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Barranin James Cleverly qal li r-Renju Unit għandu l-għan li jkompli jsaħħaħ ir-relazzjoni ma’ Malta u ż-żjara tiegħu f’pajjiżna hija sinifikat tagħna. Huwa kompla jgħid li l-ftehim tal-lum huwa biss il-bidu tat-triq ta’ aktar xogħol u ħidma bejn iż-żewġ pajjiżi. Cleverly qal li jħares ’il quddiem biex anke jaħdem ma’ Malta fejn jidħlu kwistjonijiet ta’ paċi u sigurtà anke għall-fatt li pajjiżna dejjem kien aġent tal-paċi.

Ekonomija

Sport