Saturday, November 23, 2024

Malta u r-Russja jaqblu li għandhom jgħinu biex iż-żewġ fazzjonijiet fil-Libja jirrikonċiljaw taħt id-direzzjoni tal-Ġnus Magħquda

Aqra wkoll

Minn MELVIN FARRUGIA

Malta u r-Russja jaqblu li għandhom jgħinu biex jinħolqu l-kundizzjonijiet ta’ rikonċiljazzjoni bejn iż-żewġ fazzjonijiet fil-Libja, fl-interessi li jkun hemm kalma politika u diplomatika taħt id-direzzjoni tal-Ġnus Magħquda. 

Dan jirriżulta minn telefonata li kellhom il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo u dak Russu, S.V. Lavrov. 

Iż-żewġ ministri tkellmu dwar modi kif jistgħu jkomplu jtejbu r-relazzjonijiet bilaterali li minn żmien l-Indipendenza ‘l hawn kienu eżempju ta’ koperazzjoni ugwali u b’rispett lejn xulxin. 

Bartolo enfasizza li pajjiżna hu interessat li jkompli jiżviluppa d-djalogu politiku, inter-parlamentari, kulturali u umanitarju mal-Federazzjoni Russa. 

Fid-diskussjoni, tkellmu wkoll dwar il-75 anniversarju tar-rebħa fuq in-Nażiżmu u ż-żewġ naħat qalu li llum il-passi li jridu jittieħdu fil-Ġnus Magħquda, fil-Kunsill tal-Ewropa u fl-OSCE jridu jkunu li jitwaqqfu l-attentati li jiġi gglorifikat in-Nażiżmu u li tiġi ffalsifikata l-istorja u r-riżultati tat-Tieni Gwerra Dinjija. 

It-tnejn qablu li jkomplu jaħdmu fuq ftehim li jista’ jkompli jespandi l-bażi ġuridika tar-relazzjonijiet bilaterali. Dan bil-għan li jiġġieldu l-kriminalità, isiru operazzjonijiet umanitarji f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, isiru missjonijiet diplomatiċi, ikun hemm koperazzjoni kummerċjali u ekonomika bejn iż-żewġ pajjiżi, kif ukoll ikun hemm relazzjonijiet sportivi u għaż-żgħażagħ. 

Sport