Friday, December 13, 2024

Malta u Spanja jiddiskutu sfidi komuni għaż-żewġ pajjiżi

Aqra wkoll

Malta u Spanja kellhom taħditiet dwar sfidi komuni bħala żewġ pajjiżi mill-Mediterran u membri tal-Unjoni Ewropea. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin, l-Unjoni Ewropea u l-Kooperazjoni ta’ Spanja, José Manuel Albares, f’laqgħa f’ Madrid, affermaw mill-ġdid ir-relazzjonijiet bilaterali eċċellenti bejn Malta u Spanja u qasmu kliem ta’ apprezzament għax-xogħol u kooperazjoni matul il-pandemija tal-COVID19.

Iż-żewġ Ministri kellhom taħditiet dwar l-immigrazzjoni, il-klima, l-enerġija u l-futur tal-Unjoni Ewropea. Ġie diskuss ukoll il-potenzjal li jeżisti biex tkompli tikber ir-relazzjoni bejn iż-żewg pajjiżi – dan permezz ta’ xogħol li qed isir f’oqsma tal-kultura, l-arti, l-edukazzjoni, it-turiżmu u l-internazzjonalizzazzjoni ta’ intraprizi Spanjoli f’Malta u viċi versa. Il-Ministru Albares ġie mistieden għal żjara uffiċjali f’Malta mill-Ministru Bartolo. 

Il-laqgħa bejn iż-żewġ Ministri saret waqt ġurnata ta’ ħidma organizzata mill-Ambaxxata ta’ Malta fi Spanja f’Madrid b’żewg avvenimenti li ffukaw fuq ir-reġjun tal-Amerika Latina u l-Karibew u intrapriżi Spanjoli interessati f’Malta, rispettivament. Dan seħħ b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, flimkien mal-Malta Enterprise, l-Awtorita tat-Turiżmu f’Malta, kif ukoll bl-appoġġ tar-rivista Spanjola ‘Diplomatica Exclusive’. 

Id-Delegazzjoni Maltija kienet immexxija mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Evarist Bartolo, li kien akkompanjat mis-Segretarju Permanenti, Christopher Cutajar. 

L-Amerika Latina u l-Karibew 

Ir-Reġjun tal-Amerika Latina u l-Karibew huwa wieħed b’potenzjal kbir u b’rabtiet importanti mal-Ewropa. L-Istrateġija l-ġdida tal-Politika Barranija ta’ Malta tagħraf dan bil-għan identifikat għat-tkabbir fir-relazzjonijiet bejn Malta u dan ir-reġjun. Il-pajjiżi ta’ dan ir-reġjun għandhom preżenza diplomatika qawwija f’Madrid, għal raġunijiet storiċi kif ukoll ta’ rabta kummerċjali u kulturali, u għalhekk, il-belt toffri pjattaforma sabiex tikkumplimenta din il-ħidma. Għaldaqstant, l-Ambaxxata, taħt id-direzzjoni ta’ l-Ambaxxatur ta’ Malta fi Spanja, Daniel Azzopardi, sejħet laqgħa għall-Ambaxxaturi tal-pajjiżi ta’ dan ir-reġjun, taħt it-tema “Skopri Malta: punt ta nkontru fl-Unjoni Ewropea u l-Mediterran”. 

Kummerċ

L-Ambaxxata Maltija f’Madrid ingħaqdet mal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Madrid, għal avveniment fejn ġew mistiedna intrapriżi bbażati fi Spanja u li huma interessati f’Malta. Il-Laqgħa saret fis-sit prestiġjuż Palacio Santoña u attendew mas-70 intrapriża b’mod fiżiku u diversi oħrajn b’mod virtwali. Matul il-laqgħa, kien hemm diversi kelliema mid-delegazzjoni Maltija, kif ukoll minn 3 kumpaniji Spanjoli li joperaw f’Malta. 

Ekonomija

Sport