Sunday, November 24, 2024

Malta v Ġibiltá – Il-coach nazzjonali jilmenta min-nuqqas ta’ logħob kompetittiv

Aqra wkoll

Minn CRISTIAN MUSCAT

L-Erbgħa, fl-Istadium Nazzjonali,  Malta til­­­għab partita ta’ ħbiberija kontra Ġibiltá li se tkun parti mill-preparazzjoni għall-konfront tat-12 tax-xahar kontra l-Maċedonja, valida mir-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Euro 2024. 

Intant, waqt il-konferenza stampa, Marcolini wera t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ logħbiet kompetittivi minħabba li l- kampjonati domestiċi damu ma bdew. 

Iżda fl-istess waqt huwa rrikonoxxa li l-partita tal-lum mhux se ġġorr l-istess piż bħal dawk riċenti kontra l-ġganti tal-football  bħall-Ingilterra u l-Italja … u għaldaqstant din se tintuża bħala tħejjija għal dik kontra l-Maċedonja. 

Il-coach nazzjonali tkellem b’mod pożittiv dwar il-forma tal-players waqt is-ses­sjonijiet ta’ taħriġ u enfasizza l-importanza tal-attitudni tagħhom. Huwa jistenna li l-players jagħtu l-aħjar tagħhom u jistinkaw għar-rebħa.

Huwa saħaq ukoll għall-ħtieġa li t-team jiffoka fuq il-miri tiegħu u jżomm l-istil tal-logħob tiegħu. Huwa esprima t-tama li jistgħu jirreplikaw il-prestazzjoni tagħhom kontra l-Lussemburgu.  

Ryan Camenuzuli, difensur fit-team nazzjonali Malti, qasam l-ottimiżmu tiegħu ta’ din il-partita u qed iqisha bħala ċans biex il-players juru l-aħjar tagħhom. 

Huwa sostna wkoll li dan il-konfront jipprovdi opportunità għall-coach u għall-istaff tekniku biex jesperimentaw b’tattiċi u preparamenti ġodda għall-partita li jmiss tagħhom kontra l-Maċedonja. 

Matul din is-sena, it-team Malti lagħab ħames partiti internazzjonali bl-unika reb­ħa tkun dik barra minn darna fil-partita ta’ ħbiberija kontra l-Lussemburgu bl-iskor ta’ 1-0.  

L-erba’ telfiet waslu kontra l-Maċedonja (2-1), l-Italja (2-0), l-Ukrajna (1-0) u l-Ingilterra (4-0).

Bla dubju, Marcolini se juża dan il-konfront bħala injezzjoni morali u psikoloġika kontra avversarji li fuq il-karta huma inferjuri minna. 

Ġibiltá jinsabu fil-198 post fir-rankings tal-FIFA. Huma wkoll qed jilagħbu l-logħob ta’ kwalifikazzjoni għall-kampjonat Ewropew 2024 u jinsabu fi Grupp B. 

S’issa huma sofrew erba’ telfiet kontra l-Ġreċja,  l-Olanda,  Franza, u l-Irlanda bl-iskor identiku ta’ 3-0. 

It-team huwa mmexxi minn Julio Cesar Ribas li għandu 66 sena u hu ta’ nazzjo­nalitá Urugwajana. Huwa ilu f’din il-kariga sa mis-sena 2018 bit-tama li jitjieb il-livell minkejja l-limitazzjonijiet tagħhom. 

Ribas sejjaħ tliet plejers veterani u ta’ esperjenza fl-iskwadra tiegħu li jinkludu lill-aktar li lagħab għal dan il-pajjiż, Liam Walker (69), flimkien ma’ Roy Chipolina u u Lee Casciaro, li jilagħbu  ma’ Lincoln Red Imps.

Inizjalment, Marcolini sejjaħ 31 player iżda fil-bidu ta’ din il-ġimgħa naqqas l-iskwadra għal 26. Inkluż fl-iskwadra hemm Teddy Teuma li ngħaqad riċentement ma’ Stade de Reims u qed jispikka ferm magħhom, tant, li fl-aħħar żewġ partiti niżżel ismu fuq il-lista tal-iskorers. 

Se jkun hemm ukoll ir-ritorn tal-goalkeeper,  Henry Bonello, li weġġa’ idu kontra l-Ukrajna, bil-possibbiltá li jkun fil-formazzjoni inizjali. 

Dan se jkun it-tielet konfront bejn iż-żewġ pajjiżi, kollha ta’ ħbiberija, wara li, fl-14 ta’ Ġunju, 2014, Ġibiltá kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0, f’Algarve Stadium, fil-belt ta’ Faro,  fil-Portugall, filwaqt li fis-7 ta’ Ottubru, 2020, il-Maltin ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0, fl-Istadium Nazzjonali.

Il-partita tibda fit-8.00 pm.

Sport