Friday, November 15, 2024

Malta v Ingilterra … ta’ 51 sena ilu … li ma tintesa qatt

Aqra wkoll

Kienet il-ġurnata tal-Erbgħa, 3 ta’ Frar, 1971, meta Malta lagħbet kontra l-Ingilterra għall-ewwel darba meta ltaqgħu fil-logħba ta’ kwalifikazzjoni minn Grupp III tal-Kampjonat Ewropew 1972, li kienet qajmet interess kbir fost id-dilettanti Maltin kif ukoll dawk tal-Ingilterra.

Il-preparazzjoni għal din il-logħba kienet waħda massiva bl-iskwadra Maltija tagħmel ġimgħa titħarreġ fil-għodu u fil-għaxija taħt il- gwida tal-coach Karm Borg daqs li kieku l-players tagħna kienu professjonali, li fil-fatt ma kienux, bħal ma mhumiex sal-lum il-ġurnata.

Dak in-nhar il-bibien tal-Gzira Stadium kienu nfetħu għall-ħabta tal-10.00 am u sa nofs in-nhar kien kważi mimli daqs bajda meta l-logħba kellha tibda fit-3.00 pm.

Il-briju ma naqasx meta l-attendenza kienet ta’ 29,751 spettatur li numru mhux ħażin minnhom ġew akkom­modati fil-periferija ta’ mad­war il-ground, il-biċċa l- kbira minnhom kienu tfal, għalkemm huwa maħsub li kienet viċin it-33,000.

Il-logħba ma kinitx xi waħda spettakolari bil-goalkeeper Alfred Mizzi jissejjaħ bosta drabi biex joħroġ jinterċetta blalen fil-għoli meta parti mit-tattika tal-manager Alf Ramsey kienet li l-wingers jissuplixxu blalen fil-għoli biex jissuperaw lid-difiża Maltija meta fl-attakk kellhom liż-żewġ players twal, Martin Chivers u Joe Royle.

Iżda d-difensuri tagħna, Anton Camilleri, Leli Micallef u Edward Darmanin irreżistew u bdew jaqilgħu l-blalen bir-ras.

Madankollu, l-Ingliżi kisbu r-rebħa bil-goal uniku skorjat fil-35 minuta b’xutt imkaxkar minn barra l-kaxxa l-kbira ta’ Martin Peters ma’ sieq il-lasta xellugija tan-naħa tal-Valletta Side.

Wara dan, il-logħba donn­ha li naqqset mir-ritmu bil- Maltin ikomplu jilagħbu bi qlubija kbira tant li komplew jilqgħu għall-attakki li tefgħu fuqhom players ta’ fama mondjali meta fis-sajf tas-sena ta’ qabel, jew aħjar seba’ xhur biss qabel, ħafna minnhom kienu lagħbu fil-finali tat-Tazza tad-Dinja fil-Messiku fejn ġew eliminati fil-kwarti-finali mill-Ġermanja tal-Punent.

Dak in-nhar l-eroj tagħna taw dak kollu li setgħu tant li t-telfa b’goal uniku ma ħamriltilhomx wiċċhom. Anzi lejn it-tmiem il-captain Joe Cini, li kien popolari mal-ġurnalisti Ingliżi minħabba li lagħab fl-Ingilterra ma’ Queen’s Park Rangers, kellu tentattiv li ġie salvat minn Gordon Banks  u kieku spiċċa fix-xibka ma nafux x’kien jiġri bl-ewforija fuq l-istands.

Ta’ min isemmi wkoll li l-galleriji u l-bjut madwar l-istadium speċjalment fi Triq San Ġorġ (wara l-lasti tal-Valletta Side) kienu mimlijin sa ruħ ommhom ukoll.

Malta: Freddie Mizzi, Alfred Mallia, Leli Micallef, Anton Camilleri, Edward Darmanin, Ronnie Cocks, Willie Vassallo, Joe Cini, Eddie Theobald, Louis Arpa

Ingilterra: Gordon Banks, Paul Reaney, Emlyn Hughes, Alan Mullery, Roy McFarland, Norman Hunter, Alan Ball, Martin Chivers, Joe Royle, Colin Harvey, Martin Peters

Ir-referee kien l-Awsrtijak, Ferdinand Marschall.

Il-logħba ta’ ritorn li saret f’Wembley Stadium tliet xhur wara, eżattament nhar l-Erb­għa, 12 ta’ Mejju, li l-Ingilterra rebħu 5-0, se tagħlaq 50 sena wkoll. Iżda dak in-nhar l-istorja kienet differenti.

Il-Maltin, li kellhom lil Tony Formosa fuq il-bankina, għamlu erba’ bidliet mil-logħba ta’ Frar meta bdew Vincent Borg Bonaci (Valletta) minflok Mizzi bejn il-lasti, Louis Pace (Valletta) minflok Mallia, Alfred Delia minflok Leli Micallef u John Bonett (Sliema W.) minflok Cini.

Min-naħa ta’ Alf Ramsey huwa wettaq xejn inqas minn sitt bidliet meta beda lil Chris Lawler (Liverpool), Terry Cooper (Leeds U.), Bobby Moore (West Ham), Francis Lee (Manchester C.), Ralph Coates (Tottenham H.) u Allan Clarke (Leeds U.), li ħadu post Reaney, Mullery, Hunter, Ball, Royle u Harvey.

Dak in-nhar il-goals ġew minn Chivers (29, 47), Lee (40), Clarke (46) u Lawler (74), quddiem attendenza ta’ 38,500 spettatur.

Ekonomija

Sport