Żejtun Red Stars ikkonfermaw is-supremazija tagħhom fil-VMFA Hyundai Premier League meta għelbu lil Pieta’ Hotspurs 7-2 hekk kif intlagħbet ġurnata oħra minn dan il-kampjonat.
Gilbert Camilleri Lowell skorja hat-trick għaż-Żwieten, Michael Borg Olivier kien awtur ta’ doppjetta filwaqt li Tyron Borg u George Frendo wkoll sabu x-xibka.
Pieta’ naqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ Erroll Burnell u Malcolm Camilleri.
MFPA baqgħu jżommu l-pass mal-liders Żejtun Red Stars meta ftit sabu diffikulta’ sabiex għelbu lil Żurrieq Wolves 6-1.
Minkejja li l-MFPA kienu 2-0 minn fuq, Żurrieq wettqu reazzjoni u naqqsu l-marġni tal-iskor għalkemm tal-ewwel kienu ferm attenti u ħarġu bit-tliet punti finali.
Protagonista għal MFPA kien Jonathan Bondin li skorja hat-trick filwaqt li Thomas Paris, Carlo Mamo u Branko Nisevic żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.
Robert John Zammit kien naqqas il-marġni tal-iskor għaż-Żrieraq.
Gżira United komplew bil-progress tagħhom hekk kif għelbu lil Luxol St Andrews 7-1.
Minkejja li l-Maroons sabu ruħhom gowl minn taħt, huma rnexxielhom idawru l-iskor favurihom u jieħdu wkoll ir-rebħa finali.
Michael Galea poġġa lil Luxol minn fuq iżda Alex Muscat u Firas Aboulezz skorjaw doppjetta kull wieħed. Jonathan Pearson, Beppe Antignolo u Aaron Xuereb żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.
L-ikbar skor tal-ġurnata kien il-konfront bejn Rabat Veterans u Birkirkara St Helens b’dawn tal-aħħar li jirbħu 13-4.
Claudio Calleja skorja ħames gowls, Glenn Bonello wettaq hat-trick, b’David Azzopardi jsib ix-xibka darbtejn. Christian Caruana, Mario Caruana u awtogowl għaqqdu l-iskor għall-Karkariżi.
Doppjetta ta’ Timothy Zammit, Kevin Loughborough u Clint Micallef irrispondew għal Rabat.
KLASSIFIKA – VMFA HYUNDAI PREMIER LEAGUE
Żejtun Red Stars 19, MFPA 16, Birkirkara St Helen’s 13, Gżira United 12, Pieta’ Hotspurs 7, Rabat, Luxol 5, Żurrieq Wolves 2.