Sunday, March 1, 2026

Malta Vision 2050: Mill-Viżjoni għall-Eżekuzzjoni- Prof. Stephanie Fabri

Aqra wkoll

“Nemmen li Malta qatt ma kellha nuqqas ta’ viżjoni. Dak li spiss jonqos huwa l-eżekuzzjoni. Il-Malta Vision 2050 hija pass importanti fid-direzzjoni t-tajba. Tirrappreżenta bidla minn ħsieb ta’ terminu qasir għal qafas strateġiku fit-tul li jpoġġi l-futur ekonomiku tal-pajjiż f’kuntest aktar strutturat. Aktar importanti minn hekk, tagħraf realtà fundamentali: it-tkabbir ekonomiku waħdu mhuwiex biżżejjed. Illum irridu niffukaw fuq il-kwalità tat-tkabbir – produttività ogħla, sostenibbiltà, reżiljenza u kwalità tal-ħajja aħjar. Dan mhux biss diskors politiku. Huwa imperattiv ekonomiku.”

Qalet dan Prof. Stephanie Fabri f’kumment lil IT-TORĊA dwar il-Malta Vision 2050 fejn elaborat li għal snin twal, Malta kibret permezz ta’ mudell ibbażat fuq espansjoni – aktar ħaddiema, aktar attività, aktar kostruzzjoni. “Dan wassal għal riżultati qawwija fuq il-karta, iżda qiegħed juri sinjali ċari ta’ limitazzjoni. Il-Viżjoni tagħraf li rridu nimxu lejn ekonomija ta’ valur ogħla, b’enfasi fuq il-kapital uman, l-innovazzjoni u setturi aktar sofistikati. Dan huwa kruċjali jekk Malta trid tibqa’ kompetittiva f’ambjent globali dejjem aktar sfidanti. Iżda, l-ambizzjoni hija faċli. L-eżekuzzjoni hija l-isfida vera”.

Min-naħa tagħha Prof. Fabri kkonfermat li l-Viżjoni hija mimlija kliem tajjeb – trasformazzjoni diġitali, sostenibbiltà, innovazzjoni. Iżda, għaliha l-mistoqsija fundamentali mhiex x’qiegħed jiġi propost imma, jekk għandniex il-kapaċità istituzzjonali li nwettquh. Speċifikat kif, “storikament, Malta sofriet minn koordinazzjoni limitata u nuqqas ta’ allinjament bejn strateġija u implimentazzjoni. Mingħajr sistemi ċari ta’ accountability, monitoraġġ ibbażat fuq KPI’s u tmexxija effettiva, din il-viżjoni tista’ tibqa’ biss dokument ambizzjuż”.

“Fil-qalba ta’ din l-isfida hemm il-produttività”

Prof. Stephanie Fabri kompliet li Malta m’għandhiex problema ta’ tkabbir imma problema ta’ produttività. “U minkejja li l-Viżjoni tirreferi għal “tkabbir ibbażat fuq il-produttività”, ma tippreżentax biżżejjed kif dan se jinkiseb fil-prattika. Ekonomija ta’ valur għoli teħtieġ allinjament ċar bejn edukazzjoni u suq tax-xogħol, investiment fil-ħiliet u bidla minn mudell ibbażat fuq kwantità għal wieħed ibbażat fuq kwalità”.

Hawn spjegat li dan jinkludi wkoll il-ħtieġa li nisfruttaw aħjar il-potenzjal tan-nisa fis-suq tax-xogħol, qasam li jibqa’ kruċjali għall-produttività u li fuqu Malta għadha lura meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra. “Jekk irridu verament nimxu ’l fuq fil-katina tal-valur, ma nistgħux inħallu dan il-potenzjal mhux sfruttat. Imbagħad hemm il-limitazzjoni fundamentali ta’ Malta: l-ispazju”.

Rigward l-ispazju hija qalet li bħala gżira żgħira, l-art hija l-aktar riżorsa skarsa tagħna. Fejn tidħol il-Viżjoni Prof. Fabri qalet li din tirreferi għal użu aktar intelliġenti tal-art u għal sostenibbiltà ambjentali, iżda ekonomikament hemm bżonn approċċ aktar kuraġġuż. Il-futur ma jistax jibqa’ mibni fuq volum. Irid ikun mibni fuq valur.

“Dan ifisser bidla ċara lejn turiżmu ta’ kwalità aktar milli kwantità, investiment serju fl-infrastruttura u soluzzjonijiet innovattivi għall-użu tal-art u tal-baħar. Ifisser ukoll li nibdew naraw l-art bħala assi ekonomiku strateġiku li għandu jiġi ġestit b’mod sostenibbli u effiċjenti”.

Il-Governanza: “L-aktar element deċisiv”

Fl-aħħarnett, hija semmiet il-governanza li fl-opinjoni tagħha hija l-aktar element deċiżiv. “Jekk Malta Vision 2050 trid tirnexxi, il-governanza trid tkun fil-qalba tagħha. Mhux biss bħala prinċipju, iżda bħala sistema operattiva. Dan ifisser koordinazzjoni aħjar bejn istituzzjonijiet, deċiżjonijiet ibbażati fuq data u kollaborazzjoni aktar effettiva bejn is-settur pubbliku u privat. F’ekonomija moderna u kumplessa, il-kapaċità tal-istat li jmexxi u jwettaq hija aktar importanti minn kwalunkwe strateġija settorjali”.

“Fl-aħħar mill-aħħar, il-kwistjoni mhiex fejn irridu naslu. Il-kwistjoni hija jekk hux se naslu. Il-Malta Vision 2050 hija dokument b’saħħtu, b’ambizzjoni ċara u direzzjoni korretta. Iżda s-suċċess tagħha jiddependi fuq verità ekonomika waħda sempliċi: Viżjoni mingħajr eżekuzzjoni tibqa’ biss narrattiva. L-eżekuzzjoni hija li toħloq il-produttività. L-eżekuzzjoni hija li tibni r-reżiljenza u l-eżekuzzjoni hija li twassal għall-prosperità. Jekk Malta tagħlaq il-vojt bejn il-viżjoni u t-twettiq, din tista’ tkun il-bidla li verament tittrasforma l-ekonomija tagħna. Jekk le, tkun opportunità oħra li tintilef.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport