Malta Vision 2050 tirrappreżenta pass importanti ħafna fil-mod kif pajjiżna qed jara l-futur tiegħu. Hija viżjoni, tanġibbli u fattibbli, li ma tħarisx biss lejn l-isfidi tal-lum, iżda fuq kollox lejn l-opportunitajiet ta’ għada.
Hija viżjoni li tpoġġi fiċ-ċentru tagħha l-kwalità tal-ħajja, l-innovazzjoni, is-sostenibbiltà, ir-reżiljenza u żvilupp aktar bilanċjat. F’dan is-sens, din il-viżjoni mhijiex biss qafas nazzjonali, hija wkoll opportunità konkreta biex Għawdex ikompli jissaħħaħ fil-karattru, fil-potenzjal u fil-kontribut tiegħu għal pajjiżna.
F’dan kollu, Għawdex għandu rwol ċentrali x’jaqdi fil-futur ta’ Malta. Il-karatteristiċi distinti tiegħu, il-komunitajiet b’saħħithom li jħaddan, il-wirt naturali u kulturali, u l-kapaċità tiegħu li joffru bilanċ bejn żvilupp u kwalità tal-ħajja jagħmluh territorju b’valur strateġiku kbir. Malta Vision 2050 tagħtina l-ispazju biex inkomplu nibnu fuq dawn il-karatteristiċi u biex ninvestu f’mudell ta’ żvilupp li jkun sostenibbli, intelliġenti u verament adattat għar-realtajiet ta’ Għawdex.
Hawn jidher b’mod ċar l-allinjament mal-Istrateġija għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex 2033. Iż-żewġ viżjonijiet jimxu fl-istess direzzjoni. It-tnejn jagħrfu li l-progress ma jistax jitkejjel biss b’ċifri ekonomiċi, iżda wkoll bil-benesseri tan-nies, bil-ħarsien tal-ambjent, bil-qawwa tal-komunitajiet u bil-kapaċità tagħna li nippjanaw fit-tul. Din il-konverġenza hija sinjal pożittiv ħafna. Tfisser li l-viżjoni nazzjonali u l-istrateġija reġjonali jistgħu jsaħħu lil xulxin u jistabbilixxu triq aktar ċara għall-futur ta’ Għawdex.
Fil-qasam ekonomiku, il-prospetti huma inkoraġġanti. Għawdex għandu opportunità kbira biex ikompli jiddiversifika l-ekonomija tiegħu, jattira aktar investiment ta’ kwalità, joħloq impjiegi ta’ valur u jsaħħaħ setturi ġodda marbuta mal-innovazzjoni, it-teknoloġija, it-turiżmu sostenibbli, is-servizzi speċjalizzati u l-ekonomija l-ħadra. Dan mhux biss isaħħaħ il-kompetittività ta’ Għawdex, iżda jkompli jagħti aktar għażliet ta’ karriera u ta’ ħajja aħjar lill-familji Għawdxin.
Anke fit-turiżmu, il-mument huwa wieħed ta’ opportunità. Għawdex jista’ jkompli jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu bħala destinazzjoni distinta, awtentika u ta’ kwalità. Il-pajsaġġ tiegħu, il-wirt storiku għani, il-ħajja kulturali u l-atmosfera unika tiegħu jagħtuh vantaġġ ċar lil gżira tat-tliet għoljiet. Malta Vision 2050 tgħinna nkomplu nfasslu turiżmu li jġib valur akbar lejn Għawdex, li jsaħħaħ lin-negozji lokali u li jħares l-identità tagħna.
Importanti wkoll il-fatt li din il-viżjoni tiftaħ spazju għal aktar investiment fil-konnettività, fil-mobilità sostenibbli, fl-enerġija nadifa u f’servizzi pubbliċi aktar effiċjenti. Għal Għawdex, dawn huma oqsma li jagħmlu differenza diretta fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies u fil-potenzjal ekonomiku tal-gżira. Konnettività aħjar, ippjanar aktar sensittiv u infrastruttura aktar reżiljenti jfissru aktar opportunitajiet, aktar aċċessibilità u kwalità ta’ ħajja aħjar għar-residenti.
Bl-istess mod, Malta Vision 2050 hija kompatibbli ħafna mal-aspirazzjoni tagħna li naraw lil Għawdex bħala mudell ta’ sostenibbiltà u ta’ innovazzjoni. Għandna l-potenzjal li nkunu minn ta’ quddiem nett fil-ħarsien tar-ruralità, fl-użu aktar għaqli tar-riżorsi, fil-ħolqien ta’ spazji pubbliċi aħjar u fil-bini ta’ komunitajiet aktar reżiljenti. Dan huwa futur li ma jħarisx biss lejn tkabbir ekonomiku, iżda lejn progress li jinħass fil-ħajja tan-nies.
Fl-aħħar mill-aħħar, Malta Vision 2050 hija stedina biex naħsbu fit-tul, naġixxu b’responsabbiltà u nibnu pajjiż aktar b’saħħtu u aktar bilanċjat. Għal Għawdex, hija opportunità biex ikompli jissaħħaħ bħala gżira dinamika, sostenibbli u mimlija potenzjal. Meta l-viżjoni nazzjonali tkun allinjata mal-Istrateġija tal-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex 2035, inkunu qegħdin nagħtu direzzjoni ċara lill-futur; futur li jħares l-identità ta’ Għawdex, isaħħaħ lill-komunitajiet tiegħu u joħloq prosperità li ddum.

