“Malta hija vuċi kredibbli u importanti fil-komunità internazzjonali. Mhux biss għax kellna l-Presidenza tal-akbar organizzazzjoni reġjonali dwar sigurtà u koperazzjoni jew għax qed nokkupaw sal-aħħar ta’ din is-sena siġġu fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Aħna vuċi importanti b’mod konsistenti favur il-paċi u d-djalogu. Il-fatt iżda li laqqajna din l-akbar konferenza f’pajjiżna li ġabet flimkien 57 pajjiż, juri kemm Malta hi vuċi mismugħa u rispettata. Niftakru li sena ilu l-pajjiżi membri tal-OSCE ma setgħux jaqblu fuq min jassumi l-Presidenza u qablu biss fuq pajjiżna.”
Dan iddikjarah il-Prim Ministru Robert Abela f’kumment lil L-ORIZZONT. Hu kompla jgħid li “fil-laqgħa li kelli mas-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony J. Blinken saru dikjarazzjonijiet importanti dwar l-irwol b’saħħtu ta’ Malta fi żmien ta’ sfidi ġeo-politiċi”
“Pajjiżna newtrali iżda ma jfissirx li joqgħod gallarija. Anzi b’saħħitna meta ntennu l-appell għall-waqfien mill-ġlied fil-Lvant Nofsani u s-soluzzjoni taż-Żewġ Stati bħala ċ-ċavetta ta’ stabbiltà fir-reġjun. Sodi meta nitkellmu favur ir-rispett tal-integrità territorjali tal-Ukrajna. Nemmnu fis-saħħa tal-istabbiltà tal-Mediterran u dan kollu se nibqgħu nadvokaw dwaru għall-ġid tal-popli madwar id-dinja.”