Monday, February 24, 2025

Malta żżomm ir-raba’ ġost fl-Ewropa għall-startups innovattivi

Aqra wkoll

Malta ġiet rikonoxxuta mill-ġdid bħala destinazzjoni ewlenija għall-istartups innovattivi, u żammet ir-raba’ post fl-Ewropa għat-tieni sena konsekuttiva. Dan ir-rikonoxximent ħareġ mir-Rapport Startup Nations Standard (SNS) 2024 maħruġ mill-Europe Startup Nations Alliance (ESNA), li jevalwa 24 pajjiż tal-Unjoni Ewropea.

Ir-rapport jenfasizza l-prestazzjoni qawwija ta’ Malta f’oqsma ewlenin bħall-attrazzjoni tat-talent, it-trasformazzjoni diġitali, u l-innovazzjoni regolatorja—pilastri essenzjali biex ikun hemm ambjent biex l-istartups jirnexxu. 

Fejn jirrigwarda l-attrazzjoni u żamma ta’ talent naraw li permezz ta’ programmi strateġiċi, Malta attirat talent ta’ livell għoli, b’mod speċjali fis-settur tat-teknoloġija, u tinkoraġġihom jirrilokaw u jistabbilixxu ruħhom f’Malta.

Dwar it-trasformazzjoni diġitali, naraw li bis-servizzi kollha tal-gvern disponibbli online, Malta tispikka fl-amministrazzjoni pubblika diġitali, u toffri interazzjonijiet bla xkiel għall-istartups u n-negozji.

L-ekosistema tal-istartups f’Malta rat tkabbir sinifikanti, b’66 proġett approvat taħt l-Iskema ta’ Finanzjament tal-Istartups mis-sena 2020 ‘l hawn. Dawn irċevew fondi ta’ €30 miljun. Dawn l-istartups, li jkopru setturi bħall-FinTech, MedTech, u r-robotika, ħolqu aktar minn 145 impjieg ta’ kwalità għolja.

Is-salarju medju f’dawn l-istartups huwa ta’ €45,000, darbtejn il-medja nazzjonali. Wieħed minn kull erbgħa tal-impjegati jaqilgħu aktar minn €60,000, u b’hekk jikkontribwixxu aktar għad-dħul tal-gvern. L-istartups bl-ogħla pagi joffru medja ta’ €71,248 fis-sena, u jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-ekonomija lokali permezz tal-ħolqien ta’ impjiegi u t-trasferiment tal-għarfien.

Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, enfasizza l-impenn ta’ Malta biex tkompli ssaħħaħ l-ekosistema tal-istartups tagħha: “Il-viżjoni tagħna hija ċara – irridu li Malta tkun id-destinazzjoni ideali għall-istartups u l-intraprendituri. Billi nkomplu nirfinaw l-istrutturi ta’ appoġġ tagħna u nattiraw negozji internazzjonali, qed inpoġġu l-pedamenti għal tkabbir ekonomiku fit-tul. Malta Enterprise għandha rwol kruċjali f’dawn l-isforzi, u tiżgura li Malta tibqa’ kontendenta ewlenija għall-innovazzjoni u l-investiment.”

Dawn il-kisbiet huma riżultat  ta’ sforzi kontinwi u inizjattivi strateġiċi. Proġetti ewlenin bħal DiHubMT, imwaqqaf mill-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali (MDIA), kellhom rwol essenzjali fl-appoġġ lill-istartups u l-SMEs, billi joffru mentoring, servizzi ta’ pre-akċeleratur u inkubatur, aċċess għal spazju fiżiku tax-xogħol, u tagħmir avvanzat.

Fis-sena 2025, l-introduzzjoni ta’ Kompjuter ta’ Prestazzjoni Għolja (HPC) se ssaħħaħ aktar il-kapaċitajiet ta’ riċerka, billi tippermetti lill-intrapriżi jwettqu studji avvanzati lokalment mingħajr il-ħtieġa ta’ vjaġġi għal riċerka barra l-pajjiż.

Barra minn hekk, il-Startup Festival kien strumentali fl-ekosistema tal-istartups f’Malta, billi ġab flimkien startups stabbiliti u intraprendituri ambizzjużi taħt saqaf wieħed, u offra opportunitajiet ta’ networking kif ukoll pjattaforma għall-kollaborazzjoni u t-tkabbir.

Lil hinn minn dawn il-kisbiet, Malta saħħet l-ambjent regolatorju tagħha billi addattat il-leġiżlazzjoni biex tappoġġja industriji emerġenti, tissaħħaħ il-politiki pro-business tagħha u tieħu approċċ avvanzat lejn il-futur.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise, George Gregory, enfasizza li “l-fatt li żammejna r-raba’ post tagħna fir-Rapport SNS 2024 huwa xhieda tal-isforzi kontinwi ta’ Malta Enterprise biex noħolqu ekosistema kompetittiva u ta’ sostenn għall-istartups. Aħna partikolarment kburin bil-mexxejja tagħna fl-attrazzjoni tat-talent u s-servizzi diġitali, u nibqgħu impenjati biex insaħħu aktar l-ambjent tal-istartups tagħna.”

Filwaqt li Malta żżomm ir-raba’ post. ir-Rapport SNS jenfasizza oqsma ta’ titjib, fosthom aċċess imtejjeb għall-finanzjament, politiki ottimizzati ta’ stock options, u aktar inklużjoni soċjali u diversità fl-ekosistema tal-istartups. L-ambjent favorevoli għan-negozju, l-approċċ diġitali, u l-impenn kontinwu għat-titjib jagħmlu lil Malta destinazzjoni attraenti għall-istartups li qed ifittxu li jirnexxu fis-suq Ewropew.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport