Saturday, October 25, 2025

Malta Gloster Breeder Society tħabbar l-MGBS ChallengeCup 2025

Aqra wkoll

Il-Malta Gloster Breeder Society (MGBS) qed tħabbar l-wirja MGBS Challenge Cup 2025, se ssir mis-Sibt 1 ta’ Novembru fit-3PM sal-Ħadd 2 ta’ Novembru f’12PM fi Project House, Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, Triq Francesco Buonamici, Floriana.

Dan l-avveniment annwali jlaqqa’ l-aħjar dilettanti tal-kanarini Gloster Maltin taħt saqaf wieħed biex jiċċelebraw l-eċċellenza fit-tnissil, il-preżentazzjoni, u l-passjoni għal dan l-għasfur distint u tant maħbub. Il-Kumitat tal-MGBS ħadem bla heda f ’dawn l-aħħar xhur biex jiżgura li l-kompetizzjoni seħħ bla xkiel għall-parteċipanti kif ukoll għall-viżitaturi.

L-aġġudikazzjoni tal-għasafar se ssir is-Sibt filgħodu, immexxija minn żewġ esperti rispettati ħafna:

  • Is-Sur Jan Willems (il-Belġju) – Is-Sur Willems hu aġġudikatur ta’ fama internazzjonali. Ilu jrabbi l-kanarini Gloster mill-1991 u għandu esperjenza vasta fl-aġġudikar madwar il-Belġju, l- Irlanda, l-Olanda, u r-Renju Unit.
  • Is-Sur Mario Farrugia (Malta) – Is-Sur Farrugia ilu jrabbi l-kanarini Gloster sa mis-sena 2000 u ilu akkreditat mil-International Gloster Breeders Association (IGBA) bħala aġġudikatur sa mis-sena 2016. Hu aġġudika bosta wirjiet madwar Malta u fl-Ewropa.

Il-premjijiet se jiġu mgħotija f’ diversi kategoriji, inklużi l-aħjar Gloster, l-aħjar Consort, l-aħjar Corona Cock, l-aħjar Consort Cock, l-aħjar Opposite Head, l-aħjar Corona, l-aħjar Corona Hen, l-aħjar Consort Hen, l-aħjar Buff, l-aħjar Three Parts Dark, l-aħjar Cinnamon, l-aħjar Abjad, l- aħjar Isfar, l-aħjar Grizzle, u l-aħjar Ċar.

Ħinijiet tal-ftuħ għal-pubbliku:

  • Is-Sibt l-1 ta’ Novembru: 3PM – 5PM
  • Il-Ħadd it-2 ta’ Novembru: 8AM – 12PM

L-MGBS Challenge Cup toffri opportunita’ unika għad-dilettanti ta’ l-għasafar, dawk li jrabbu, u l-pubbliku biex jammiraw kanarini Gloster ta’ l-aqwa kwalita’ u jipparteċipaw fill-komunita ornitoloġika ta’ Malta.

Għal aktar informazzjoni, żur il-paġna ta’ Facebook tal-MGBS f’https://www.facebook.com/mgbsmalta, jew ikkuntattja lil-MGBS permezz ta’ email fuq [email protected] jew mobile fuq 9985 5535.

Kullħadd mistieden jattendi!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport