Wednesday, March 4, 2026

Maltemp…

Jikteb Anthony Agius Decelis

Aqra wkoll

Aħna gżira ta’ ħafna temp tajjeb, allura hija mill-ftit drabi li naraw ħafna maltemp. Iktar minn hekk, ħafna maltemp jikiddna. Minkejja kollox, qisu l-bini tagħna mhux magħmul għal ħafna kesħa u lanqas għal ħafna sħana. B’ħafna kesħa noqogħdu ngħidu għax għandna ħafna umdità u allura, minħabba l-umdità, il-kesħa nħossuha iktar; u fis-sħana noqogħdu ninħlew li l-ġebla mhijiex ħoxna biżżejjed biex iżżommilna mis-sħana. Imma l-iktar punt importanti minn dan kollu huwa li fix-xitwa ngorru għax il-kesħa u fis-sajf ngħidu “uff, xi sħana”. Qisu dejjem insibu xi ħaġa fuq x’hiex ngorru u ma nkunux kuntenti.

Inkun nieżel miċ-Ċirkewwa u nara l-vapur ta’ Għawdex għaddej f’dak il-maltemp kollu. F’qalbi ngħid x’kuraġġ irid ikollok biex, minkejja dak il-maltemp kollu, xorta tmur għax-xogħol biex tagħti servizz lil dawk li jkunu jridu jmorru lejn Għawdex. Lill-infermiera, mediċi u paramediċi li joħorġu mid-dar, irrelevanti x’temp ikun, biex imorru jagħtu servizz lil pazjenti li jiġu bżonnhom. Lill-pulizija, suldati u n-nies li jaħdmu mal-LESA, gwardjani lokali u dawk li jikkontrollaw it-traffiku, maltemp u mhux dejjem għaddejjin. 

Napprezza ħafna x-xogħol kbir li jsir minn dawn il-ħaddiema li ħafna minnhom jaħdmu bix-xift u apparti li jridu joqogħdu jaħdmu x’sejrin ikunu biex jaraw jistgħux jattendu għal xi attivitajiet jew le, imma x-xift ikissirlek ir-rutina u fiha ħafna tbatija l-fatt li inti tkun qiegħed taħdem ħinijiet differenti u l-arloġġ bijoloġiku tiegħek ikun ġerfixu waħda sew minħabba l-mod li bih tkun qed taħdem.

Apprezzament lejn il-ħaddiema li jagħtu servizz

Ejja ngħidu l-affarijiet kif inhuma: kull xogħol fih it-tbatija tiegħu, imma dawn il-persuni li jagħtu servizz u li dejjem hemm biex iservu lin-nazzjon ta’ min jammirahom. Ħafna minn dawn in-nies ma jkunux fuq l-aħbarijiet u ftit jafu bihom, imma meta tiġi bżonnhom tinduna li qegħdin hemm u kemm lesti li jpoġġu lilhom infushom biex jaqdu lil ħaddieħor. 

Tkun gwardjan lokali jew dawn il-ħaddiema li jieħdu ħsieb il-maniġment tat-traffiku, irrelevanti l-kesħa jew ix-xita, tarahom f’fixed point jidderieġu t-traffiku b’dedikazzjoni liema bħalha. Tinduna kemm jagħmlu biċċa xogħol tajba għax meta tkun tgħaddi minn xi triq b’mod partikolari u f’dik it-triq it-traffiku jkun iggwidat minnhom u xi ġurnata minħabba xi raġuni jew oħra dawn ma jkunux hemm, il-mod differenti li bih jibda miexi t-traffiku jkun differenti.

L-istess jaħdmu ħafna mill-ħaddiema fil-qasam mediku. Huma qegħdin hemm biex meta xi ħadd mill-poplu jkollu bżonn isibhom lesti biex jgħinuh. Ħafna drabi dawn il-ħaddiema, li hemm lista twila ħafna u ma nixtieqx inħalli lil ħadd barra, la għandhom festi u lanqas weekends. Jidħlu xogħol meta jmisshom, irrelevanti x’inhi l-ġurnata u x’temp ikun. 

Kull xogħol fih it-tbatija tiegħu

Nirrifletti u ngħid kemm hawn minn ma jmurx ix-xogħol għal paga biss. Ikun hemm xogħlijiet oħrajn li tista’ taħdem biex inti ddaħħal l-istess ammont ta’ flus. Dawn il-ħaddiema jmorru għax-xogħol biex jagħtu servizz. Bħal dawk il-ħaddiema li għandna jaħdmu fid-djar tal-anzjani tagħna. Xħin jidħlu għax-xogħol jafu, imma ma’ xiex sejrin jiltaqgħu jistgħu jimmaginaw.

Kull xogħol fih it-tbatija tiegħu kif diġà għedt u kull xogħol għandu bżonn nies dedikati biex isir b’ċertu serjetà u dedikazzjoni. Naf ħafna għalliema li ħajjithom iddur max-xogħol tagħhom u l-professjoni li għandhom jeżerċitawha b’ħafna mħabba u dedikazzjoni lejn l-istudenti tagħhom, li jaħsbu fihom ħafna mill-ħin tal-ġurnata. 

Ma ninsa qatt…

Ħafna minn dawn il-professjonisti jaraw lill-persuna bħala persuna sħiħa u jieħdu ħsieb il-persuna sħiħa, kompluta. Għalhekk ħafna mill-għalliema tibqa’ tħobbhom tul ħajtek kollha u ma tinsa qatt dak li jkunu għamlu miegħek. Ma ninsa qatt lis-Sur Fenech li kien jgħallimni l-Physics, li kien ikun qed jieħu xi tazza kafè u jwarrab il-kafè f’ġenb u jispjegali l-problema li nkun qed inkellmu fuqu. Nixtieq li nerġa’ niltaqa’ miegħu biex f’wiċċu ngħidlu grazzi ta’ dak kollu li għamilt miegħi bħalma kienet l-imġiba tas-Sur Borg, l-għalliem tal-Kimika, tas-Sur Fenech, l-għalliem tat-tpinġija teknika. Iktar ’il quddiem impressjonawni l-Professur Angela Abela u l-Professur Marvin Formosa li kienu joħorġu barra minn kull forma immaġinattiva biex jgħallmuni dak li kien ikolli quddiemi. Kif tista’ tinsa dawn il-mumenti u ma tiftakarx f’dawn in-nies li kienu jagħmlu minn kollox biex jgħinuni nsir persuna aħjar u noħroġ verżjoni aħjar tiegħi nnifsi?

Bħalma ma nistax ninsa qatt dak li jagħmel it-tim tal-kardjoloġija, immexxi mill-aqwa konsulenti u professuri fil-pajjiż u fl-Ewropa. Lejlet il-Milied, waqt li kulħadd miġbur biex jiekol l-ikla ta’ lejlet il-Milied, idoqq is-sejħa biex kulħadd ikun l-isptar u t-team kollu jitlaq kollox minn idejh biex imur iservi lil dak il-pazjent li ħadd ma jaf imma li kellu bżonn l-għajnuna tagħna għax kellu arterja li kienet qed tinstaddlu. Xi darba tista’ tinsa l-ħarsa tat-tifla bir-rigal f’idejha tgħidlek: “Xħin ġej lura, Daddy?” u inti tgħidilha: “Dalwaqt, ta’ sabiħa…”

Ringrazzjament

Ċerti persuni jimpressjonawk b’dak li jagħmlu fix-xogħol tagħhom u għalhekk qed nikteb hawn biex illum ngħidilhom grazzi pubblikament, għax huwa bil-ħidma ta’ dawn in-nies dedikati li s-soċjetà tagħna tibqa’ ddur. Kulħadd għandu dik il-biċċa xogħol li jrid jagħmel u li jekk issir tajjeb tħalli ħafna iktar riżultati tajbin milli kieku dik il-biċċa xogħol issir ħażina jew inqas tajba. 

Jekk inti xufier u għandek kapaċità li ssuq sew u mingħajr skossi u bil-galdu, il-vjaġġ tal-passiġġiera tiegħek ikun wieħed trankwill. Jaslu fil-ħin u bla ebda inċident. Inti min int u taħdem fejn taħdem għandek deċiżjoni x’tagħmel: sejjer tagħmel xogħlok sew jew sejjer tkun traskurat fuq il-post tax-xogħol tiegħek? Il-ħin xorta sejjer jgħaddi; id-differenza hija s-servizz li se jieħdu dawk li qed jirċievu s-servizz mingħandek.

Konvint li kull ħaddiem jagħmel ħiltu kollha biex jagħti servizz tajjeb u dak ix-xogħol li jkun fdat f’idejh isir tajjeb kemm jista’ jkun. Għalhekk, f’dan il-maltemp ġiegħlni nirrifletti kemm għandna workforce dedikata u kemm tagħti xogħol ta’ livell. Minkejja l-maltemp, jew is-sħana, jew kull tip ta’ temp ieħor, id-dedikazzjoni tal-ħaddiema tagħna ġġib ir-riżultati. Ekonomija b’saħħitha u l-aqwa ekonomija fl-Ewropa ma taqax mis-sema, imma hija r-riżultat ta’ deċiżjonijiet tajbin li l-gvern jieħu flimkien mal-ħidma tal-ħaddiema tagħna.

Sliem.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport