Monday, December 23, 2024

Malti jiffroda disa’ barranin fuq kiri ta’ appartamenti

Aqra wkoll

Malti ta’ 47 sena kien ikkundannat seba’ snin ħabs wara li ammetta li ħa flus lil numru ta’ barranin fuq kiri ta’ appartamenti meta dawn ma kienux tiegħu.

Konrad Dimech, li joqgħod San Pawl il-Baħar, kien mixli li fi Frar 2019 u fix-xhur ta’ qabel iffroda lil Manomano Dudzayi, Suneel Patras, Jazer Alzghoul, Oria Jaku, Diana Savova, Manu Chennakuzhiyl Manu, Odion Peter Ebhota, Cesare Daniel Cucinotta u Kangana Ratra.

Huwa kien mixli wkoll li kiser sentenza ta’ sentejn ħabs sospiża għal erba’ snin mogħtija mill-Maġistrat Doreen Clarke fit-30 ta’ Lulju 2015.

Dimech ammetta li irreklama postijiet għall-kiri li ma kienux tiegħu, mingħajr il-kunsens tas-sidien u li kien ħa d-depożitu lill-barranin fejn  b’kollox irċieva mingħandhom €5,650.

Il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia irrimarkat li apparti li tilfu flushom ħafna minn dawn il-vittmi sabu ruħhom fi problemi loġistiċi kbar meta irrealizzaw li l-imputat kien daħak bihom u l-appartament li kienu krew ma setgħux jidħlu fih.

Hija semmiet kif uħud minnhom spiċċaw litteralment mingħajr saqaf fuq rashom, fosthom min kellu tfal żgħar, u kien hemm min kellu jorqod fit-triq jew fil-karozza, anke fil-maltemp, sakemm sabu jikru post ieħor.

Il-Maġistrat Farrugia żiedet li mill-fedina penali jirriżulta li Dimech għandu erba’ kundanni bl-aħħar waħda tkun fl-2015 fejn kien instab ħati li iffroda 13 il-persuna.

Waqt li qalet li jidher li huwa ma tgħallem xejn u reġa’ ikkommetta reati simili, il-Maġistrat Farrugia ikkundanntu ħames snin ħabs talli iffroda lid-disa’ barranin, ordnatlu jagħtihom lura l-flus li ħadilhom u mal-piena ta’ ħabs żiedet ukoll is-sentejn sospiżi li kien weħel f’kawża preċedenti.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispetturi Shaun Friggieri u Elton Taliana li investigaw ir-rapport tal-barranin.

Ekonomija

Sport