Friday, May 23, 2025

Malti u Russa jammettu li serqu minn diversi ħwienet f’Għawdex

Aqra wkoll

Dustin John Cauchi, Malti ta’ 43 sena u s-sieħba tiegħu Daria Zakharova, Russa ta’ 24 sena, iżda ilha f’pajjiżna għal diversi snin tressqu l-Qorti mixlija li fis-19 ta’ Mejju wettqu tliet serqiet minn ħwienet differenti f’Għawdex.

Il-Prosekuzzjoni spjegat lill-Maġistrat Brigitte Sultana, li quddiemha tressqu ż-żewġ imputati, kif dawn allegatament kien uwettqu serqa minn ħanut fl-Imġarr Għawdex, serqa oħra mill-Arkadia u oħra mid-Dukes Shopping Mall.

Meta ġew mistoqsija xi jwieġbu għall-akkużi, iż-żewġ imputati b’mod partikolari t-tfajla Russa wieġbu li huma ħatja tal-akkużi. Il-Prosekuzzjoni saħqet li ż-żewġ imputati ma kinux magħrufin mal-Pulizija u għandhom il-kondotta nadifa filwaqt li l-affarijiet misruqin ġew irkuprati u anke ngħataw lura lill-ħwienet minn fejn insterqu.

Il-Maġistrat Sultana staqsiet lill-imputati jekk kinux konxji ta’ dak li wettqu u b’dak li wettqu setgħu jiġu kkundannati sentenza ta’ priġunerija. Zakharova filwaqt li wieġbet li kienet konxja ta’ dan kollu, bid-dmugħ f’għajnejha qalet li qatt aktar mhi se terġa’ tirfes l-għatba tal-Qorti.

Il-Qorti meta ġiet għas-sentenza qiset li l-imputati kienu kkoperaw bis-sħiħ mal-Pulizija filwaqt li kien hemm qbil bejn id-difiża u l-Prosekuzzjoni li huma jingħataw sentenza ta’ ħabs sospiża.

Il-Maġistrat wissiethom b’mod partikolari lill-mara li hija għadha żgħira fl-età u se tkun hi li tiddeċiedi b’futur trid għaliha… filwaqt li lir-raġel qaltlu li “inti għandek 43 sena u suppost taf li dawn l-affarijiet li wettaqtu jmorru kontra l-liġi… jekk is-sieħba tiegħek għandha problema allura kont messek tajtha l-għajnuna u mhux titkaxkar magħha…”

Il-Qorti kkundannat lill-imputati tmien xhur ħabs sospiżi għal erba’ snin kull wieħed.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Keith Xerri flimkien mal-Avukat Tilden Tabone mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Daniel Calleja mexxa d-Difiża.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport