Sunday, December 22, 2024

Maltin bla saqaf fuq rashom f’Għawdex … fi tmien xhur kien hemm 126 talba

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Quddiem iż-żieda fil-prezzijiet tal-kirjiet f’Malta, huma diversi dawk il-Maltin li sabu diffikulta biex ilaħħqu mal-kirjiet u marru lejn il-gżira Għawdxija, fejn hemmmhekk il-kirjiet huma irħas minn Malta. Filfatt jidher li kienu diversi dawk il-każi soċjali li minn Malta spustaw ruħhom f’Għawdex minħabba l-kwistjoni tal-kirjiet. Waqt li f’Malta qegħdin naraw żieda ta’ persuni bla saqaf fuq rashom li l-parti l-kbira tagħhom huma barranin,   minn informazzjoni li għandu Talk.mt qed  jirriżulta li issa f’Għawdex is-sitwazzjoni hi differenti minn dik f’Malta. Dan għax waqt li fi tmien xhur kien hemm 126 talba minn persuni bla saqaf fuq rashom biex jingħataw kenn, qed jirriżulta li l-parti lkbira tagħhom huma Maltin. Minn dawn każ wieħed biss kien ta’ persuna Għawdxija.  Minn dawn il-126 każ, kien hemm 94 każ li ġew akkomodati f’żewġ idjar li joffru kenn f’Għawdex. 

Talk.mt tkellem mad-Direttur tal-Ħidma tal-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali (FSWS) f’Għawdex, Mons Vella Gauci. Hu qalilna li “d-Direttorat tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) f’Għawdex ta’ kuljum jaħdem ma’ persuni bi problemi soċjali fosthom dawk li minħabba raġuni jew oħra jispiċċaw bla saqaf fuq rashom. Grazzi għall-infrastruttura soċjali li għandna f’Għawdex, is-sitwazzjoni ta’ persuni bla saqaf fuq rashom, hija waħda kkontrollata. Għalkemm it-talbiet sabiex persuni jingħataw din l-għajnuna hija b’mod regolari, id-Direttorat ta’ Għawdex, li jaħdem f’sinġerija mal-Ministeru tal-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, jagħmel minn kollox sabiex jassigura li l-ebda persuna ma tispiċċa fit-triq.”

Enfasizza li “attwalment, persuni bla saqaf fuq rashom, qed jingħataw xelter f’Dar Emmaus u f’Dar Trionfi, li t-tnejn jinsabu fir-Rabat ta’ Għawdex. Matul din is-sena, bejn Jannar u Awwissu 2022, id-Direttorat tal-FSWS f’Għawdex kellu 126 talba.  Ta’ min isemmi li minn dawn it-talbiet, ġew akkommodati 42 persuna f’Dar Emmaus u 54 persuna f’Dar Trionfi, li l-maġġoranza tagħhom huma Maltin, persuna waħda Għawdxija u l-bqija barranin li l-maġġoranza tagħhom ġejjin minn pajjiżi li mhumiex fl-Unjoni Ewropea. It-talbiet li ma ġewx milqugħa huma minħabba raġunijiet varji fosthom li ma jkunux jaqgħu taħt il-kriterja tad-Djar, jew għax tinstabilhom akkomodazzjoni alternattiva jew inkella għax il-klijent jippreferi li jibqa’ Malta.”

Mons Vella Gauci qalilna li “għaldaqstant, jidher ċar li l-infrastruttura soċjali f’Għawdex qed tikkumplimenta s-servizzi soċjali tagħna u taderixxi ruħha mal-politika tal-Gvern li l-ebda persuna ma titħalla barra fit-triq imma tingħata l-attenzjoni kollha sabiex ikollha d-dinjità li jixirqilha.”

Ekonomija

Sport