Thursday, May 15, 2025

Maltin evakwati mill-belt ta’ Tripli fil-Libja

Aqra wkoll

Il-Gvern ħabbar li 38 Malti li nqabdu fit-tensjonijiet li għaddejjin fi Tripli jinsabu lura Malta wara pjan ta’ evakwazzjoni.

Kienu l-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu u l-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol li ħadu ħsieb din il-kordinazzjoni.

Qalu li l-Maltin bdew il-vjaġġ tagħhom minn Tripli għal Misurata llum u sostnew li ma kien hemm ebda diffikultà tul dan il-vjaġġ u l-Maltin rikbu titjira kummerċjali mill-ajruport ta’ Misurata fejn waslu lura Malta.

Żiedu li l-evakwazzjoni kienet possibbli bil-ħidma tal-Ambaxxata Maltija għal-Libja u l-Ambaxxatur Charles Saliba u l-Mibgħut tal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol fil-Libja, il-Kurunell Alex Dalli.

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jitlob liċ-ċittadini Maltin biex jevitaw kull tip ta’ vvjaġġar lejn il-Libja f’dan il-perjodu, sakemm jinħarġu struzzjonijiet oħrajn.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport