Sunday, March 30, 2025

Mamma Maria..hu tassew xokk tara lil ommok taħrab mid-dinja – Fr Mario Attard

Aqra wkoll

Dak li qatt ma stennejt li se jiġri seħħ. Dak li kont qed nibża’ minnu li se jseħħ, seħħ f’ħakka t’għajn. Ommi Marija għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem f’età sabiħa ta’ 91 sena u għaxar xhur skorruti.

Niftakarni nżurha għall-aħħar darba sagħtejn biss qabel ma ħalliet dan il-Wied tad-Dmugħ f’Mater Dei. Niftakarni nqarbinha u nidlikha biż-żejt tal-lampa tal-Madonna li kont ġibt minn Franza, mis-Santwarju ta’ Notre Dame Du Laus. Lanqas ħabatli ma’ moħħi l-ħsieb li kienet se tmur daqshekk malajr. Għalhekk, meta dħalt fis-sala u rajt il-purtiera l-kaħla magħluqa mill-ewwel intbaħt x’kien ġara. L-għażiża ommi kienet ħallietna. X’xokk!

Ix-xokk

Hu tassew xokk kbir li tara lill-għażiża ommok taħrab minn did-dinja. Illum nifhem li hi stess kienet qed tħoss dan il-waqt ġej għaliha. Ommi għaddiet fuq li għaddiet. Biss, u minkejja l-burraxki li l-ħajja offritilha, xorta waħda baqgħet tittama. U dan hu ta’ tagħlima kbira għalija, l-ewwel wieħed. Anki jien inħoss ġo fija s-sejħa li bħalha naffaċċja dak li l-ħajja qed tpoġġili quddiemi. 

Niftehmu, fil-ħajja kulħadd jgħaddi. U ħadd mhu aħjar jew agħar minn ħadd. Imma illum, u dan esperimentajtu jiena nnifsi f’din l-esperjenza iebsa, rajt kemm is-sapport hu meħtieġ fil-ħajja. Kienu ħafna dawk li ċempluli, kitbuli, bagħtuli messaġġi u x’ma nafx jien. Ta’ dan inħossni ferm grat lejhom. Huma nies li, fis-sempliċità tagħhom, wieġbu għas-sejħa li għamlilhom il-Mulej biex iħobbuhom fil-proxxmu tagħhom li bħalissa, miskin, iħossu patata.

Lejkom ħuti l-ħajr bla qjies tiegħi!

It-tifkiriet t’ommi

Li kieku kelli niġbor u ndomm it-tifkiriet li għandi t’ommi żgur li mhu ħa nispiċċa qatt. Għandi wisq tifkiriet ta’ dik li ġabitni fid-dinja, rabbietni u anki ħallitni noħroġ mid-dar biex nidħol il-kunvent fil-ħajja Franġiskana Kapuċċina. Ta’ dan kollu ngħidilha: “Ħajr għażiża ommi”.

Minn dawn l-esperjenzi ħaġa nara importanti ħafna: Kemm hu sabiħ tqatta’ ħin ma’ min tħobb. Illum nista’ napprezzahom dawn il-waqtiet l-għaliex il-Mulej tani l-għerf u l-umiltà li nimxi ma’ ommi. Ovvja, ommi u jien ma konniex naqblu f’kollox. Jien għandi tiegħi bħalma hi kellha tagħha. Madankollu kont nieħu gost immens noqgħod fil-preżenza tagħha. Dak is-skiet li kien hemm bejnietna kien jgħinna nifhmu lil xulxin u nippruvaw nidħlu fiż-żarbuna ta’ xulxin. 

F’dawn l-esperjenzi nara l-għana kbir li wieħed ikun miftuħ beraħ għall-misteru tar-relazzjoni li kapaċi tieħu sfumaturi ġodda li wieħed ma jkun qatt ħolom bihom. Sabiħ wisq li toqgħod fil-preżenza tal-wiċċ ta’ persuna oħra. Hi din il-preżenza li tagħti l-ħajja u l-kuraġġ.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport