Sunday, November 3, 2024

Man City ilhom tliet snin jiġu nvestigati

Aqra wkoll

Investigazzjoni dwar ksur potenzjali tar-regoli f’Manchester City hija ffukata fuq ħlasijiet illegali lill-players taħt l-età, ftehimiet ta’ sponsorships minfuħa u ħlasijiet ta’ salarji moħbija li saru lill-eks manager, isostni l-ġurnal Ġermaniża, Der Spiegel.

Il-Premier League ilu jinvestiga lill-club għal tliet snin, tgħid il-pubblikazzjoni.

Iżda Der Spiegel issa ppubblika dettalji mill-investigaz­zjoni tiegħu stess li saret flimkien man-netwerk tal-ġurna­liżmu European Investigative Collaborations (EIC).

Joffri dettall fuq kull wieħed mit-tliet oqsma li jsostni li jiffurmaw il-fokus tal-mistoqsijiet tal-Premier League, iżda kemm dawn kif ukoll Manchester City naqsu milli jikkummentaw meta ġew avviċinati mill-media Ingliża.

Madankollu, huwa mifhum li l-City jemmnu li l-aħħar dettalji huma kontinwazzjoni ta’ allegazzjonijiet preċedenti b’rabta mar-regolamenti tal-Financial Fair Play (FFP), li jħossu li huma mfassla biex jagħmlu ħsara lill-club. Huwa maħsub li l-club irid ukoll jirrispetta l-proċess li għaddej mal-Premier League billi ma jikkummentax.

Skond Der Spiegel, iċ-champions tal-Premier League allegatament għamlu pressjoni fuq players taħt l-età “biex jiffirmaw kuntratti ma’ Manchester City permezz ta’ pagamenti monetarji, bi ksur tar-regoli”.

L-isponsors tal-club f’Abu Dhabi huma allegati li “pprovdew biss porzjon tal-pagamenti tagħhom lill-club innifsu”, bil-kumplament allegatament magħmul mis-sid tal-club, Sheikh Mansour bin Zayed Al Nahyan, membru tal-familja tat-tmexxija ta’ Abu Dhabi.

Is-City huma akkużati wkoll li ħallsu “porzjon sinifikanti” tal-kumpens lill-eks manager, Roberto Mancini, “permezz ta’ kuntratt ta’ konsulenza fittizja”.

Fl-2020, is-City kellhom projbizzjoni ta’ sentejn mill- kompetizzjonijiet tal-clubs Ewropej li nqalbet mill-Qorti tal-Arbitraġġ għall-Isport (CAS) wara li l-UEFA kienet iddeċidiet li wettqu “ksur serju” tar-regolamenti tal-FFP bejn l-2012 u l-2016.

Il-CAS qalet li s-City kienu wrew “nuqqas ta’ attenzjoni sfaċċata” lejn l-investigazzjoni tal-UEFA dwar ksur poten­zjali tal-FFP, minkejja li ma sabet “l-ebda evidenza konklussiva moħbija finanzjament minn sidhom bħala sponsorship”.

Il-UEFA bdiet l-investigazzjoni tagħha fis-City wara li Der Spiegel ippubblika dokumenti mikxufa f’Novembru 2018 fejn allegaw li l-club kien nefaħ il-valur ta’ ftehim ta’ sponsorship, u żgwida lill-korp governattiv tal-football Ewropew.

Waqt ix-xhieda lill-CAS, rappreżentant legali tal-Ministeru tal-Finanzi f’Abu Dhabi sostna li Abu Dhabi United Group Investment & Development (ADUG) – li kienet proprjetarja ta’ Manchester City sas-sena li għaddiet – kienet “għal kollox mhux konnessa” mal-gvern tal-Emirati Għa­rab Magħquda jew l-Emirat ta’ Abu Dhabi.

Sport