L-ewwel żewġ timijiet fil-klassifika tal-Premier League Ingliż, Manchester City u Liverpool, se jkunu nvoluti f’logħba kruċjali li tista’ tagħti indikazzjoni fejn jista’ jmur t-titlu meta għada jiltaqgħu fl-Etihad Stadium.
Man C. v Liverpool – Rebħa għal Liverpool tpoġġihom fl-ewwel post tal-klassifika għall-ewwel darba mill-1 ta’ Ottubru. Mill-aħħar tmien laqgħat tal-Premier League bejn l-aqwa żewġ naħat li saru fl-aħħar 10 logħbiet tal-istaġun, it-team fit-tieni post rebaħ seba’ darbiet (tilfu 1), inkluża kull waħda mill-aħħar ħamsa konsekuttivi.
Manchester City tilfu waħda biss mill-aħħar 12-il partita tagħhom f’darhom fil-Premier League kontra Liverpool (rebħu 7 draw 4), u tilfu 4-1 fl-ewwel żjara fl-ogħla livell ta’ Jurgen Klopp fl- Etihad f’Novembru 2015.
Liverpool rebħu kull waħda mill-aħħar 10 ħarġiet tagħhom fil-Premier League, u f’din il-mixja żammew tmien clean sheets. Hija l- ħames darba tagħhom ta’ 10+ rebħiet konsekuttivi fil- kampjonat.
Everton v Man U. – It-Toffeemen se jiltaqgħu kontra Manchester United meta jinsabu f’qagħda prekarja fin-naħa t’isfel tal-klassifika tant li jinsabu fir-raba’ post mill-aħħar punt iktar minn Burnley li nhar l-Erbgħa rebħulhom 3-2 f’Turf Moor.
Everton qed iħarsu lejn żewġ rebħiet home wara xulxin minn Settembtu ‘l hawn bil-konfronti kontra l-United ixaqilbu lejn dawn tal-aħħar li rebħu 37 logħba kontrihom fejn fl-istorja tal-kompetizzjoni huma Spurs biss li tilfu iktar minnhom (38 logħba).
Arsenal v Brighton – Din hija logħba bejn team li qed jisfida biex jikseb post fiċ- Champions League u ieħor trankwill f’nofs il-klassifika. Is-Segulls qatt ma rebħu logħba f’April fi 15-il tentattiv, (draw 8, tilfu 7). Fl-istorja Hull City biss (16 f’Mejju) li lagħbu l-iktar logħbiet f’xahar speċifiku mingħajr qatt ma rebħu.
Arsenal, li fl-aħħar ħames logħbiet ħadu tliet rebħiet u sofrew żewġ telfiet, kienu għaddew minn ħames logħbiet bla rebħa kontra Brighton fil-Premier League u issa fl-aħħar tliet konfronti kontrihom kisbu żewġ rebħiet u draw li fihom dejjem żammew clean sheet.
Southampton v Chelsea – Il-Blues ġejjin minn telfa 4-1 f’darhom kontra Brentford u oħra 3-1 kontra Real Madrid fiċ-Champions League meta kienu qed jilagħbu f’darhom. Iżda huma qatt ma sofrew żewġ telfiet fuq xulxin fl-kampjonat taħt Thomas Tuchel.
Chelsea tilfu darba biss fi 13-il logħba f’St Mary’s kontra Southampton (rebħu 9 draw 3) u ilhom ma jitilfu fl-aħħar tmien żjarat mit-telfa 2-1 f’Marzu 2013.
Watford v Leeds U. – Watford, li jinsabu fiż-żona l- ħamra tmien punti wara Leeds United rebħu l-aħħar żewġ logħbiet f’darhom kontra l-istess avversarji, l-iktar riċenti dik 4-1 f’Awwissu 2014.
Leeds qed jaraw li jagħmlu l-ewwel double fuq Watford mill-istaġun 1999-00 li kien l-aħħar wieħed li l- aħħar li ltaqgħu ż-żewġ timijiet fil-kampjonat.
Aston Villa v Tottenham – Anke din il-logħba hija bejn team li qed jissielet biex jidħol fiċ-Champions League u ieħor trankwill f’nofs il- klassifika. Spurs rebħu l- aħħar sitt logħbiet għand il-Villa li rebħu tnejn biss mill-20 logħba kontrihom (draw 3, tilfu 15). L-aħħar rebħa kontrihom f’Villa Park seħħet f’Jannar 2008.
Dan l-aħħar Spurs qabdu sensiela tajba fejn fl-aħħar logħba rebħu 5-1 kontra Newcastle wara li kienu dawn li fetħu l-iskor. Huma ħadu erba’ rebħiet mill-aħħar ħames logħbiet bil-Villa ġejjin minn tliet telfiet wara xulxin.
Brentford v West Ham – Brentford kisbu 11-il punt mid-derbies ta’ Londra (rebħu 3, draw 2, tilfu 3) waqt li rebħu t-tliet logħbiet li beda Christian Eriksen wara li reġa’ beda jilgħab wara l-attakk tal-qalb li kellu f’Ġunju li għadda.
Min-naħa tagħhom il- Hammers kellhom 10 mill-15-il rebħa dan l-istaġun li ġew b’marġni ta’ goal b’Wolves biss (11) jiksbu iktar minnhom.
Leicester C. v C. Palace – Wara li kienu tilfu erba’ darbiet wara xulxin kontra l-Palace, issa Leicester ilhom ħames logħbiet bla megħluba kontrihom bl-Eagles rebħu l-aħħar żewġ logħbiet away kontra Watford u Wolves.
Iż-żewġ timijiet jinsabu fuq 37 punt iżda l-Palace għandhom differenza aħjar fil-goals u l-Foxes lagħbu żewġ logħbiet inqas minnhom.
Norwich v Burnley – Din hija logħba kollha kenm hi kontra r-relegazzjoni b’Burnley fl-aħjar pożizzjoni li jsalvaw u Norwich huma kważi kkundannati.
Fl-aħħar ħames logħbiet Burnley sofrew erba’ telfiet wara xulxin iżda kisbu rebħa kruċjali meta nhar l-Erbgħa rebħu lil Everton 3-2 wara li sofrew żewġ penalties.
Min-naħa tagħhom Norwich ukoll kienu tilfu erba’ darbiet wara xulxin qabel ma waqqfu is-sensiela bi draw 0-0 kontra Brighton barra minn darhom.