Saturday, November 16, 2024

Man United iridu jħallsu £17.5m jekk ikeċċu lil Erik ten Hag

Aqra wkoll

Bħalissa l-aktar suġġett fl-Ingilterra li qed jiġbed l-attenzjoni huwa dwar il-futur tal-mana­ger ta’ Manchester United, l- Olandiż Erik ten Hag (ritratt), wara l-umiljazzjoni ta’ 3-0 kontra Tottenham Hotspur, f’Old Trafford, valida mill-Premier League.   

Bħalissa, ir-Red Devils jinsabu fit-12-il post fil-klassifika wara li tilfu tlieta mill-ewwel sitt logħbiet tagħhom tal-istaġun, hekk kif din il-pożizzjoni hija l-agħar waħda mindu ilu jeżisti l-Premier League, wara sitt partiti. 

Filwaqt li Ten Hag innifsu saħaq li mhux inkwetat dwar il-futur tiegħu mal-club wara li fis-sajf kien appoġġjat mill-uffiċjali tal-United, waaslu sejħiet biex l-Olandiż jitkeċċa mill-kariga minnufih u tibda tfittxija għas-suċċessur tiegħu. 

L-eks player, Gary Neville, huwa l-aktar voċiferu biex Ten Hag jitkeċċa wara li qal li t-telfa kontra Spurs kienet inaċċettabbli u insult għall-partitarji. 

Peró, jekk Ten Hag jitkeċċa mill-kariga tiegħu, kemm se jkun il-kumpens li l-club ikun obligat li jħallas hekk kif il-kuntratt jintemm f’Ġunju 2025?

Rapporti qed isostnu li t-tkeċċija se tiswa lill-United xejn inqas minn £17.5 miljuni wara li fis-sajf li għadda l-kuntratt tiegħu ġie mġedded b’sena oħra. 

It-tiġdid tal-kuntratt kien ifisser li r-Red Devils iridu jħallsu £7.5 miljuni aktar mill-£10 miljun. Din is-somma hija madwar nofs il-flus frankati milli jagħmlu madwar 250 impjegat issensjati meta Ineos saru azzjo­nisiti tal-club aktar kmieni din is-sena.

Kollox deher li Ten Hag kien se jitkeċċa mill-kariga tiegħu fis-sajf li għadda  iżda Jim Ratcliffe u l-ammistrazzjoni tal-club għażlu li jħalluh fit-tmun wara  li wassal lil United għas-suċċess tal-FA Cup meta fil-finali għelbu ir-rivali tal-istess belt, Manchester City, bl-iskor ta’ 2-1.  

Madankollu, it-team ma wera l-ebda sinjali ta’ titjib f’dan l-istaġun minkejja li ntefqu kważi £200 miljun biex tissaħħaħ l-iskwadra. 

Peró, jidher li l-ogħla ġerarkija tal-club tinsab kalma b’dan il-maltemp kollu li ħakem lill-club u saħansitra xejnet rapporti li l-futur tiegħu jiddependi miż-żewġ partiti li ġejjin biex jevita li jitkeċċa. 

Iżda hemm aċċettazzjoni li r-riżultati jridu jitjiebu u l-United qed jippretendu li jaraw reazzjoni mit-team ta’ Ten Hag fil-partita tal-UEFA Europa League ta’ għada kontra FC Porto, barra minn darhom, u mbagħad nhar il-Ħadd li ġej imorru Villa Park biex jilagħbu kontra Aston Villa.  

Wara din il-partita, ikun hemm il-waqfa internazzjonali ta’ ġimgħatejn li tagħti opportunità ċara lil Ratcliffe jirrifletti dwar id-deċiżjonijiet tiegħu jekk ikunu neċessarji. 

B’kuntrast, fil-konferenza stampa ta’ wara t-telfa kontra Tottenham, Ten Hag innifsu żvela li ma kienx imħasseb dwar il-pożizzjoni tiegħu. 

Huwa qal: “Le, mhux qed naħseb dwar dan. Ilkoll ħadna din id-deċiżjoni biex nibqgħu flimkien, bħala sjieda, bħala grupp ta’ tmexxija fis-sajf.

“Ittieħdet ukoll id-deċiżjoni minn reviżjoni ċara ta’ dak li rridu ntejbu bħala orga­nizzazzjoni, iżda konna nafu li dan se jieħu ż-żmien li jġib miegħu l-paċenzja. 

“Aħna lkoll ninsabu f’dgħajsa waħda – is-sidien, il-grupp ta’ tmexxija, l-istaff u l-players ukoll. M’għandix dak it-tħassib. Naturalment, dejjem hemm logħba ġdida … u ġurnata oħra ġdida. Ninsab fiduċjuż li se nirkupraw.”

MIN SE JKUN IS-SUĊĊESSUR

JEKK TEN HAG JITKEĊĊA?

Jekk jiġi deċiż, it-tkeċċija ta’ Erik ten Hag se tiswa lil Manchester United madwar £50 miljun … il-kumpens flimkien mal-kuntratt tal-manager il-ġdid. 

Bħalissa qed jissemmew bosta minnhom fil-media Ingliża, fosthom Olé Gunnar Solksjaer, Graham Potter, Gareth Southgate, Thomas Tuchel (kollha liberi), Eddie Howe (Newcastle United), Kieran McKenna (Ipswich) u saħansitra l-assitant coach ta’ Ten Hag innifsu, Ruud van Nistelrooy. 

Coach ieħor li ssemma’ wkoll huwa t-Taljan, Massimiliano Allegri, li fil-karriera tiegħu mexxa bosta timijiet bl-aktar famużi jkunu Udinese, Milan u Juventus. 

Huwa għandu r-rekord tal-aktar coach li rebaħ il-Coppa Italia b’total ta’ ħamsa.

Huwa jinsab liberu wara li fl-istaġun li għadda tkeċċa minn Juventus. 

Ekonomija

Sport