Bħalissa Manchester United mhumiex għaddejjin minn mument feliċi fil-Premier League Ingliż.
Wara li sfaw eliminati għal kollox mill-kompetizzjonijiet Ewropej, huma jinsabu fit-tmien post tal-klassifika … 12-il punt taħt il-leaders Arsenal … u tmien punti mill-ewwel erba’ timijiet li jkollhom id-dritt biex jilagħbu fil-UEFA Champions League.
Peró, jekk kemm-il darba jirnexxielhom jikkwalifikaw għal din il-kompetizzjoni, huma jiġu mblukkati mill-UEFA milli jagħmlu dan.
Dan minħabba Jim Ratcliffe. Proprju nhar il-Ħadd ħarġet l-aħbar li huwa ġie aċċettat li jixtri 25% tal-ishma fil-club tar-Red Devils … filwaqt li huwa s-sid tal-club Franċiż ta’ Nice.
Għall-istaġun li ġej, iċ-Champions League ġiet estiża fejn it-timijiet Franċiżi tal-ogħla livell se jingħataw tliet postijiet awtomatiċi u post wieħed ta’ play-off, bit-timijiet tal-Premier League jiksbu erba’ postijiet diretti.
Madankollu, ir-regoli tal-UEFA dwar “is-sjieda ta’ diversi clubs” jistipulaw li l-uniku mod kif il-United u Nice jistgħu jilagħbu t-tnejn fl-Ewropa fl-istaġun li ġej huwa jekk wieħed jissiġilla post awtomatiku fiċ-Champions League u l-ieħor jikkwalifika direttament għall-UEFA Conference League.
Jekk it-tnejn jikkwalifikaw għaċ-Champions League, dak it-team li jispiċċa fil-pożizzjoni l-aktar għolja fil-kampjonat rispettiv ikun hu li jirbaħ id-dritt li jikkompeti … bit-team l-ieħor jiġi pprojbit milli jagħmel dan.
Bħalissa Nice jinsabu fit-tieni post ta’ Ligue 1 … ħames punti taħt il-leaders Paris St-Germain … u jinsabu b’ċans tajjeb li jikkwalifika għall-aqwa kompetizzjoni Ewropea.
Min-naħa l-oħra, Ratcliffe jista’ jsolvi l-problema hekk kif huwa stess sostna li se jibda l-proċess biex ibiegħ il-club Franċiż għal £80 miljun.
Iżda din se tkun sitwazzjoni komplikata minħabba li rapporti qed isotnu li huwa lest li jagħmel dan jekk jingħata ċ-ċans li jixtri aktar ishma fil-club ta’ Manchester United.