Sunday, November 24, 2024

Manchester City jagħtu sitta … Liverpool jirbħu mal-aħħar azzjoni

Aqra wkoll

Fil-Premier League Ingliż, Manchester City komplew jimpressjonaw meta kisbu rebħa kbira ta’ 6-0 fuq Nottingham Forest.

Għal darb’oħra l-protagonista kien Erling Haaland li għat-tieni darba konsekuttiva skorja hat-trick. Huwa fetaħ vantaġġ ta’ tliet goals, fit-12, 23 u 38 minuta. Fit-tieni taqsima, huma skorjaw tliet goals oħra mingħajr risposta minn Joao Cancelo (50), u doppjetta minn Julian Alavarez (65, 87).

Liverpool għelbu lil Newcastle United bl-iskor ta’ 2-1. Kienu l-Magpies li fetħu l-iskor mid-debuttant, Alexander Isak (38) iżda Roberto Firmino (61) kiseb id-draw għat-team immexxi mill-coach Jurgen Klopp.

Il-logħba dehret li kienet se tintemm fi draw hekk kif il-players ta’ Newcastle kien kien moħħhom jaħlu l-ħin u jaqgħu mal-art milli jilagħbu l-football. U dan il-fatt spiċċa ta’ detriment għalihom.

Wara li ngħataw ħames minuti ta’ ħin miżjud, fit-tieni minuta, il-goalkeeper Nick Pope, aċċentwa waqa’ biex jagħti l-impressjoni li kien imweġġa’ fit-tentattiv li jkompli jinħela l-ħin. Ir-referee ma kellu triq oħra ħlief li jagħti tliet minuti oħra … u minn azzjoni ta’ corner, eżattament fit-98 minuta, Fabio Carvalho skorja b’mod drammatiku!

Il-leaders Arsenal irreġistraw il-ħames rebħa minn daqstant logħbiet meta għelbu lil Aston Villa 2-1, bil-goals jaslu minn Gabriel Jesus (30) u Gabriel Martinelli (77) filwaqt li Douglas Luiz kiseb id-draw momentarju għall-Villans.

Tottenham fallew żewġ punti meta sfaw miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn West Ham. Huwa fetħu l-iskor minn auto-goal ta’ Thilo Kehrer (34). Madankollu l-Hammers kisbu d-draw minn Tomas Soucek (55).

Sport