Manchester City huma żewġ punti biss ‘il bogħod mir-rebħ tal-Premier League Ingliż meta filwaqt li huma għelbu lil Everton bl-iskor ta’ 3-0, l-eqreb rivali tagħhom Arsenal sfaw megħluba f’darhom minn Brighton bl-iskor identiku.
Dan ifisser ukoll li jekk fil-logħba li jmisshom f’darhom jegħlbu lil Chelsea, is-Citizens jiġu dikjarati champions għall-ħames darba f’sitt snin.
Wieħed irid jammira l-qawwa tat-team tas-Citizens li minkejja li kellhom bosta players regolari mserrħa għat-tieni leg tas-semi-finali tal-UEFA Champions League kontra Real Madrid, huma xorta waħda kienu tajbin biżżejjed biex ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-0.
Il-protagonista kien Ilkay Gundogan (37, 51) li skorja doppjetta bil-goal l-ieħor jasal mis-solitu Erling Haaland (39) li rreġistra t-52 goal minn 48 partita għas-City fil-kompetizzjonjiet kollha.
Brentford v West Ham – Brentford għelbu lil West Ham bl-iskor ta’ 2-0, bil-goals jaslu fl-ewwel taqsima minn Bryan Mbeumo (20) u Yoane Wissa (43).
Arsenal v Brighton – Arsenal laqgħu lil Brighton u ġew umiljati bl-iskor ta’ 3-0 biex ħadu d-daqqa mortali li jkomplu jisfidaw għar- rebħ tat-titlu.
It-tliet goals tas-Seagulls waslu minn Julio Enciso (51), Deniz Undav (86) u Pervis Estupinan (92).