Sunday, December 22, 2024

Manchester City jiffirmaw lil Josko Gvuardiol

Aqra wkoll

Manchester City issiġillaw l-iffirmar tad-difensur ċentrali tal-Kroazja, Josko Gvardiol, 21 sena, b’kuntratt ta’ ħames snin mingħand RB Leipzig għal £77 miljun.

B’hekk huwa sar it-tieni l-aktar difensur għali ta’ kull żmien wara Harry Maguire, li sieħeb lil Manchester United għal £80 miljun mingħand Leicester City fl-2019.

Gvardiol impressjona fiż-żewġ staġuni tiegħu f’Leipzig wara li ngħaqad magħhom mingħand Dynamo Zagreb f’Lulju tal-2021.

“Dejjem ħlomt li xi darba nilgħab fl-Ingilterra. Li qed nagħmel dan issa ma’ Manchester City wara l-istaġun li għadhom kif kellhom, huwa ta’ unur reali għalija,” qal Gvardiol.

Gvardiol, li lagħab 21 darba għall-Kroazja u għen lit-team jispiċċa t-tielet fit-Tazza tad-Dinja 2022 kif ukoll runners-up ma’ Spanja fin-Nations League ta’ din is-sena, se jilbes il-flokk numru 24.

Is-City iffirmaw ukoll lill- kompatrijott tiegħu, Ma­­­teo Kovacic, mingħand Chelsea għas-somma inizjali ta’ £25 miljun f’Ġunju.

Gvardiol qal li jkun kuntent ukoll li se jilgħab flimkien, aktar milli jaffaċ­ċja, lill-attakkant prolifiku tas-City, Erling Haaland.

Leipzig ta’ Gvardiol tilfu 7-0 kontra Manchester City fl-Etihad Stadium fiċ-Champions League fl-istaġun li għadda.

Ma’ Zagreb huwa rebaħ titli wara xulxin, u qabel mar jilgħab fil-Bundesliga, telaqhom bid-double ta’ kampjonat u tazza.

Gvardiol għen lil Leipzig jirbħu t-Tazza Ġermaniża fiż-żewġ staġuni tiegħu magħhom kif ukoll jikkwalifikaw darbtejn għaċ- Champions League.

Ekonomija

Sport