Manchester City kisbu tliet punti importanti meta għelbu lil Fulham bl-iskor ta’ 2-1 liema goal tar- rebħa wasal minn penalty fil-ħin miżjud.
Kien Julian Alvarez (16) li fetaħ l-iskor għas-Citizens. Iżda fis-26 minuta Fulham ingħataw penalty hekk kif Joao Cancelo waqqa’ lil Harry Wilson fil-kaxxa, bid- difensur Portugiż jintwera l-karta l-ħamra. Mill-11-il metru Andreas Pereira kiseb id-draw.
Fis-75 minuta, is-sostitut Erling Haaland kellu goal imħassar meta kien iġġudikat mill-VAR li kien f’pożizzjoni ta’ offside.
Madankollu l-istess player kiseb it-tliet punti għas-City, fil-95 minuta, meta ngħataw penalty għal foul ta’ Antonee Robinson fuq Kevin de Bruyne.
Leeds U. v Bournemouth – Leeds United għelbu lil Bournemouth 4-3 wara li kienu fi żvantaġġ ta’ 3-1.
Kienu proprju huma li fetħu l-iskor wara biss tliet minuti minn penalty ta’ Rodrigo (3).
Iżda ċ-Cherries skorjaw tliet darbiet mingħajr risposta permezz ta’ Marcus Tavernier (7), Philip Billing (19) u Dominic Solanke (48).
Peró l-Peacocks dawru telfa f’rebħa minn Rasmus Kristensen (60), Liam Cooper (68) u Crysencio Summerville (84).
Nottm F. v Brentford – Nottingham Forest u Brentford spiċċaw fi draw ta’ 2-2. Il-goals tal-Forest waslu minn Morgan Gibbs-White (20) u auto-goal ta’ Mathias Jorgensen (92) filwaqt li Bryan Mbeumo (47 pen) u Yoane Wissa (75) skorjaw għal Brentford.
Wolves v Brighton – Barra minn darhom Brighton għelbu lil Wolves 3-2, bil-goals jaslu minn Adam Lallana (10), Kaoru Mitoma (44) u Pascal Gross (87) filwaqt li Goncalo Guedes (12) u Ruben Neves (35 pen) skorjaw għal Wolves li kellhom lil Nelson Semedo (45) imkeċċi.
Everton v Leicester – Leicester City marru għand Everton u ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0 biex inqalgħu miż-żona l-ħamra u telgħu fit-13-il post tal-klassifika biex fl-istess waqt qabżu lill-istess Everton.
Iż-żewġ goals waslu wieħed f’kull taqsima b’goal mill-isbaħ ta’ Youri Tielemans (45) u Harvey Barnes (87).