Manchester City rebħu l-UEFA Champions League meta fil-finali għelbu lil lnter bl-iskor ta’ 1-0. B’hekk wara r-rebħ tal-Premier League u l-FA Cup, huma rebħu t-treble, b’din tkun l-ewwel darba li Man City qatt rebħu din l-aktar kompetizzjoni prestiġjuża fuq bażi ta’ clubs fl-Ewropa.
Kienet finali mill-isbaħ u ferm bilanċjata li setgħet tmur kull naħa hekk kif Inter kellhom ukoll il-mumenti pożittivi tagħhom.
Kien biss fis-27 minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota b’Man City ikunu huma li joħolqu l-periklu meta Erling Haaland kellu x-xutt tiegħu mill-viċin salvat bi bravura mill-goalkeeper ta’ Inter, Andre Onana.
Fil-35 minuta Man City qalgħu daqqa ta’ ħarta hekk kif weġġa’ għalihom Kevin De Bruyne, biex minfloku daħal jilgħab is-sostitut Phil Foden. Ta’ nota huwa l-fatt li fil-finali tal-2021 kontra Chelsea, l-istess player kien ukoll weġġa’ u kellu joħroġ mill-ground.
Inter ħolqu l-ewwel periklu fil-partita fid-59 minuta meta Lautaro Martinez wiċċ imb’wiċċ mal-goalkeeper ta’ Man City Ederson ra lil dan tal-aħħar isalva tajjeb, fejn iżda l-iskorer prolifiku Arġentin seta’ għamel aħjar u minflok għadda l-ballun lejn Romelu Lukaku li kien f’pożizzjoni ferm iktar ideali.
Iżda kienu Man City li fetħu l-iskor fit-68 minuta meta Rodri b’xutt fil-baxx minn ġol-kaxa tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.
Iżda Inter wettqu reazzjoni tajba u żewġ minuti biss wara Federico Dimarco kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu tistampa mal-mimduda biex mir-rebound l-istess Dimarco nomeleku kellu daqqa ta’ ras oħra taħbat ma’ sieq Lukaku.
Huma komplew fuq l-offensiva u fit-73 minuta Lautaro Martinez għadda lejn Romelu Lukaku li kellu x-xutt fil-baxx tiegħu salvat minn mal-art minn Ederson.
Inter tilfu ċans tad-deheb li jġibu l-iskor indaqs fit-88 minuta meta Lukaku kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu taħbat mal-irkoppa ta’ Ederson.