Manchester United tilfu aktar minn £2 miljun fil-ġimgħa l-istaġun li għadda minkejja r-ritorn tal-partitarji f’Old Trafford – bid-dejn tal-club jiżdied b’mod sostanzjali.
Il-club minn Old Trafford irrapporta telf nett ta’ £115.5m għall-istaġun u ppreżenta telf operattiv ta’ £ 87.4m għas-sena sat-30 ta’ Ġunju, l-aktar minħabba l-pagi tal-players li qed jiżdiedu.
Id-dejn nett żdied b’£95.4m għal £514.9m – xi ħaġa li se tqanqal lill-partitarji li pprotestaw kontra s-sidien Amerikani, il-familja Glazer.
Dan id-dejn żdied minħabba l-faċilità ta’ kreditu ta‘ £100m biex jikkumpensaw it-telf ikkawżat mill-pandemija tal-Covid-19 u l-grounds vojta li rriżultaw.
L-aħħar ċifri finanzjarji tal-United urew żieda kbira ta’ 19.1% fil-pagi ta’ £61.6m għal £384.2m.
Ir-rabja tal-partitarji kontra l-Glazers intensifikat fl-aħħar xhur bi protesti li saru barra Old Trafford qabel numru ta’ logħob.