Manchester United qed jikkunsidraw li jagħmlu offerta għall-attakkant ċentrali ta’ Bayern Munich, Robert Lewandowski, matul it-tieqa tat-trasferimenti ta’ dan is-sajf.
Edinson Cavani se jħalli Old Trafford fl-aħħar ta’ Ġunju meta jiskadilu l-kuntratt, filwaqt li għad fadal spekulazzjoni dwar il-futur ta’ Cristiano Ronaldo.
Minħabba f’hekk, ir-Red Devils mistennija jkunu fis-suq għal attakkant ġdid dan is-sajf, u huwa mifhum li, Lewandowski qed jitqies bħala l-mira ewlenija għar-Red Devils.
L-aġenti tal-internazzjonali tal-Polonja diġà kienu f’kuntatt mal-club immexxi minn Ralf Rangnick biex jiddiskutu mossa possibbli fis-suq li ġej.
Madankollu, għadd ta’ clubs oħra tal-Premier League, fosthom Chelsea u Manchester City, huma wkoll maħsuba li qed jikkunsidraw mossa matul it-tieqa tat-trasferimenti ta’ dan is-sajf.
Lewandowski reġa’ kien f’forma impressjonanti għal Bayern dan l-istaġun, fejn skorja 39 goal u rreġistra tliet assists fi 33 dehra fil-kompetizzjonijiet kollha.
Madankollu, il-ftehim attwali tal-attakkant fl-Allianz Arena għandu jiskadi fl-2023, u dan l-aħħar qal li kien “miftuħ għal kollox” rigward il-futur tiegħu.
Atletico Madrid, Barcelona u Real Madrid qed jingħad ukoll li qed iżommu ħarsithom mill-qrib fuq is-sitwazzjoni ta’ Lewandowski qabel it-tieqa tat-trasferimenti ta’ dan is-sajf.