Manchester United qed jikkunsidraw li jagħmlu offerta għall-attakkant ta’ Fiorentina, Dusan Vlahovic.
Iż-żagħżugħ ta’ 21 sena skorja 21 goal fis-Serie A matul l-istaġun 2020-21 u beda wkoll l-istaġun il-ġdid b’mod impressjonanti, fejn sab ix-xibka sitt darbiet fi tmien apparenzi fil-kompetizzjonijiet kollha.
Fiorentina kienu qegħdin jaħdmu biex jipperswadu lill-player internazzjonali Serb biex jiffirma kuntratt ġdid, iżda s-sid tal-club Rocco Commisso żvela li l-attakkant irrifjuta ċ-ċans li jiffirma estensjoni.
Tottenham Hotspur u Manchester City huma t-tnejn maħsuba li huma ħerqana li jiffirmaw lis-Serb fl-2022, bil-Viola jidhru sfurzati li jkollhom ibiegħu lil dan il-player minħabba s-sitwazzjoni kuntrattwali tiegħu.
Madankollu, Man United ‘ma jistgħux jiġu esklużi’ mit-tellieqa, bir-Red Devils interessati bis-sħiħ li jġibuh fil-Premier League.
Fiorentina jkunu miftuħa għall-bejgħ f’Jannar bil-kundizzjoni li jirċievu offerta fir-reġjun ta’ €75m.
Vlahovic – li se jkun barra mill-kuntratt f’Ġunju 2023 – skorja 35 goal fi 92 dehra għall-club Taljan tiegħu fil-kompetizzjonijiet kollha minn meta ngħaqad mal-Viola mingħand Partizan fl-2018.