Thursday, December 26, 2024

Manchester United jippreżentaw lil Rasmus Hojlund

Aqra wkoll

Manchester United lestew il-firma ta’ £72 miljun tal-attakkant tad-Danimarka, Rasmus Hojlund, 20 sena, mingħand Atalanta.

Huwa ngħaqad mat-team tas-Serie A fl-2022 u skorja 10 goals f’34 dehra fl-istaġun li għadda, jiċċaqlaq Old Trafford b’kuntratt ta’ ħames snin.

“Mhux sigriet li kont partitarju ta’ dan il-club kbir minn meta kont tifel żgħir. Ħlomt li noħroġ f’Old Trafford bħala player ta’ Manchester United,” qal Hojlund.

Huwa sar it-tielet akkwist tas-sajf tal-ma­nager, Erik ten Hag, wara li Mason Mount ingħaqad mingħand Chelsea għal £55 miljun u l-goalkeeper ta’ Inter, Andre Onana, wasal għal £47.2 miljuni.

Iċ-champions ta’ Ligue 1, Paris St-Germain, kienu wkoll interessati f’Hojlund bħala sostitut potenzjali għall-captain ta’ Franza, Kylian Mbappe, li l-futur immedjat tiegħu mhuwiex ċar.

Hojlund beda l-karriera f’Copenhagen, fejn għamel id-debutt tiegħu fis-Superliga Daniża fl-età ta’ 17-il sena fl-2020 qabel ma mar mat-team Awstrijak, Sturm Graz, sen­tejn wara.

Huwa qatta’ sitt xhur biss fil-Bundesliga Awstrijaka wara li ngħaqad ma’ Sturm f’Jannar 2022 iżda skorja goal kull logħba oħra, u sab ix-xibka disa’ darbiet fi 17-il bidu.

Dik il-forma impressjonanti wasslet għaċ-ċaqliq tiegħu lejn Atalanta għas-somma rappurtata ta’ £15-il miljun, 10 darbiet ta’ dik li ħallsu għalih Sturm Graz.

Huwa għamel id-debutt internazzjonali tiegħu fl-2022 u skorja sitt goals f’sitt logħbiet fil-kwalifikazzjoni għall-Euro 2024.

Ekonomija

Sport