Manchester United qed jitolbu somma ta’ £40 miljun għall-goalkeeper tagħhom Dean Henderson.
Wara li inizjalment kien ħa post David de Gea bħala l-goalkeeper numru wieħed tar-Red Devils wara r-ritorn tiegħu minn perjodu ta’ self, il-fatt li qatta’ perjodu taż-żmien imweġġa’, kif ukoll ritorn għall-forma mill-Ispanjol, Henderson sab opportunitajiet limitati f’Old Trafford.
Il-goalkeeper ta’ 25 sena rnexxielu jidher fi tliet logħbiet biss fil-kompetizzjonijiet kollha s’issa dan l-istaġun, bl-ebda dehra iżda ma tasal fil-Premier League.
B’riżultat ta’ dan, ħarġu xnigħat ta’ interess minn Newcastle United fit-tieqa tat-trasferimenti ta’ Jannar, iżda ma mmaterjalizza l-ebda trasferiment.
Madankollu, huwa mifhum li l-Magpies żammew dak l-interess qabel offerta potenzjali dan is-sajf, u b’riżultat ta’ dan, jidher li r-Red Devils qed jitolbu somma ta’ £40 miljun għas-servizzi tal-goalkeeper internazzjonali Ingliż.
Jingħad li Henderson qed jagħmel l-almu tiegħu kollu sabiex jassigura postu fl-iskwadra Ingliża mmexxija minn Gareth Southgate għat-Tazza tad-Dinja fl-aħħar tas-sena fil-Qatar, fejn se jkun qed jikkompeti ma’ goalkeepers bħal Jordan Pickford u Aaron Ramsdale bejn il-lasti.
Kieku Henderson imur jilgħab f’St James’ Park għas-sooma li qed jitolbu għalih Man Utd, kien isir l-aktar goalkeeper Ingliż għali fl-istorja, b’Ramsdale bħalissa għandu dak ir-rekord wara li ngħaqad ma’ Arsenal għas-somma ta’ £30 miljun fis-sajf li għadda.