Il-ġerarkija ta’ Manchester United hija ‘kuntenta’ bid-direzzjoni li qed jieġu l-club taħt it-tmexxija tal-manager attwali Ole Gunnar Solskjaer.
Ir-Red Devils m’għandhom l-ebda pjan li jkeċċu lin-Norveġiż minkejja serje ta’ riżultati diżappuntanti li rat lit-team jirbaħ waħda biss mill-aħħar ħames logħbiet tagħhom fil-kompetizzjonijiet kollha.
L-ex manager ta’ Chelsea Antonio Conte huwa meqjus bħala l-favorit li jieħu post Solskjaer jekk ikun hemm bidla fit-tmun, iżda, Man United iqisu lill-manager ta’ 48 sena bħala manager ewlieni fit-tul.
Ir-Red Devils se jkomplu jappoġġjaw lil Solskajaer hekk kif il-club qed jipprova jirritorna fil-quċċata tal-Premier League għal darb’oħra.
Man United ħadu punt wieħed biss mill-aħħar tliet logħbiet tal-kampjonat u bħalissa qegħdin fis-sitt post tal-klassifika, ħames punti wara l-leaders Chelsea.
Ir-Red Devils jerġgħu lura fl-azzjoni taċ-Champions League kontra Atalanta BC nhar l-Erbgħa filgħaxija qabel ma jilqgħu lir-rivali Liverpool f’Old Trafford fil-Premier League fi tmiem il-ġimgħa.