Manchester United lesti jkeċċu lil Cristiano Ronaldo wara l-intervista li għamel ma’ Piers Morgan fuq il-media soċjali fejn riegħed lill-club mill-għeruq tiegħu.
Ronaldo, li għandu salarju ta’ £500,000 fil-ġimgħa, m’għandu l-ebda futur f’Old Trafford wara l-attakki tiegħu fuq Erik ten Hag u d-diriġenti tal-club. Il-kapijiet ta’ Old Trafford huma rrabjati wara li huwa sostna li ġie ttradut mill-club.
L-attakkant internazzjonali Portugiż qatt ma ra għajn m’għajn mal-coach, Ten Hag, mindu ma niżilx għall-pre-season minħabba marda tat-tifla tiegħu.
Il-United qed jitkellmu mal-avukati tagħhom fit-tentattiv li jkeċċu lil dan il-player ta’ 37 sena qabel Jannar li ġej. Huma qed jaraw jekk taħt il-liġi tax-xogħol, l-imġieba tiegħu kinitx ta’ ksur serju biżżejjed ta’ dixxiplina.
Ronaldo fadallu seba’ xhur biex jintemmlu l-kuntratt u hija ħaġa ċerta li mhux se jerġa’ jilbes il-flokk tar-Red Devils.
Il-club irid jara l-intervista kollha li se tixxandar il-Ħamis biex ikun jista’ jieħu l-passi meħtieġa kontra l-player Portugiż.
Qed jiġi rrappurtat ukoll li se jiġi mmultat £1 miljun, salaru ta’ ġimagħtejn.