Fil-Premier League Ingliż, Liverpool reġgħu telgħu fit-tieni post tal-klassifika meta marru f’Old Trafford u umiljaw lil Manchester United bl-iskor ta’ 5-0 biex issa l-pressjoni qed tikber fuq il-manager tar-Red Devils, Ole Gunnar Solskjaer, li jista’ jitkeċċa mill-kariga tiegħu.
Man Utd v Liverpool – Liverpool kienu fi klassi għalihom meta marru għand ir-rivali tagħhom u għelbuhom bl-iskor ta’ 5-0.
It-team immexxi mill- manager Jurgen Klopp ma setax kellu bidu aħjar hekk kif wara biss ħames minuti fetaħ l-iskor permezz ta’ Naby Keita.
Sfortunatament, l-istess player kellu jħallu l-ground wara li fis-60 minuta, Paul Pogba b’mod mill-aktar irresponsabbli kkommetta foul professjonali li għalih ntwera l-karta l-ħamra filwaqt li Keita mistenni jdum barra mill-azzjoni.
Fit-13-il minuta, Diogo Jota rdoppja għal Liverpool … biex imbagħad wasal il-hat-trick ta’ Mohamed Salah (38, 45, 50) li kompla jikkonferma li bħalissa għaddej minn forma kbira tant li skorja fl-10 logħba nfila.
Brentford v Leicester – Leicester City irreġistraw it-tieni rebħa nfila meta barra minn darhom għelbu lil Brentford bl-iskor ta’ 2-1, b’dawn tal-aħħar isofru t-tielet telfa konsekuttiva f’darhom.
Kienu Brentford li ħarġu tajjeb iżda kienu Leicester li fetħu l-iskor meta fl-14-il minuta, Youri Tielemans venven xutt minn barra l-kaxxa li ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper David Raya jsalva.
Il-Foxes baqgħu l-aħjar team għal bosta ħinijiet iżda kienu l-Bees li kisbu l-goal tad-draw meta fis-60 minuta, id-difensur ċentrali, Mathias Jorgensen, għola fuq kulħadd u b’daqqa ta’ ras xeħet fix-xibka.
Peró, fit-73 minuta, Tielemans qata’ għal kollox lid-difiża avversarja biex Patson Daka ġie waħdu quddiem Raya, iżda pprefera jgħaddi l-ballun lejn James Maddison li f’lasti vojta ddepożita l-ballun fix-xibka.
West Ham v Tottenham – Fid-derby ta’ Londra, West Ham għelbu lil Tottenham bl-iskor ta’ 1-0 biex dawn tal-aħħar komplew jiddiżappuntaw.
Wara taqsima mingaħjr goals, West Ham fetħu l- iskor fit-72 minuta meta minn azzjoni ta’ corner mogħti minn Aaron Cresswell, Michail Antonio approfitta minn indeċiżjoni ta’ Harry Kane u kien pront xeħet il-ballun fix-xibka biex dan kien l-10 goal ta’ Antonio kontra Spurs f’10 logħbiet.