Fil-Premier League Ingliż Liverpool ospitaw lil Manchester United u umiljawho hekk kif għelbuhom bl-iskor ta’ 7-0 liema rebħa setgħet kien akbar.
Din ir-rebħa tiżboq dik ta’ 5-0 li r-Reds irreġistraw f’Old Trafford fl-istaġun li għadda. Dak in-nhar, wara l-ħames goal kien il-coach, Jurgen Klopp, li waqqaf lill-players tiegħu milli jkomplu jiskorja b’rispett lejn l-avversarji.
Din ir-rebħa ta’ 7-0, hija l-akbar waħda ta’ Liverpool fuq il-United fl-istorja tal-football Ingliż.
Min-naħa l-oħra, din hija l-akbar telfa li Manchester United sofrew kemm ilhom imwaqqfa.
Fl-istorja, huma sofrew dan l-iskor erba’ darbiet bit-tliet avversarji l-oħra jkun Aston Villa, Blackburn Rovers u Wolves.
Il-goals tat-team immexxi minn Jurgen Klopp waslu minn doppjetta kull wieħed ta’ Cody Gakpo (43, 50), Darwin Nunez (47, 75) u Mohamed Salah (66, 83) … u mis-sostitut Roberto Firmino (88).