Saturday, May 18, 2024

Maniġer jirbaħ tliet snin paga lill-HSBC

”Jekk wieħed jirraġuna bħall-Kap Eżekuttiv, allura ma jsirux il-Ftehimiet Kollettivi għall-ħaddiema”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Jekk wieħed jirraġuna bil-mod li bih il-Kap Uffiċċjal Eżekuttiv irraġuna, allura ma jsirux il-Ftehimiet Kollettivi għall-ħaddiema u jiddeċiedu arbitrarjament il-prinċipali dwar il-kwistjonjiet li jinqalgħu. Dan żgur li mhux aċċettabbli fid-dritt industrijali u tax-xogħol. Dwar il-Ftehmiet Kollettivi”. Dan iddikjarah it-Tribunal Industrijali, fi kwistjoni fejn ħaddiem tal-HSBC allega li kien tkeċċa inġustament meta kien fuq ‘career break’ u ma ngħatax iċ-ċans li jqajjem il-każ tiegħu bħala ‘individual grievance’. L-impjegat David Magro rebaħ il-każ u l-HSBC ġie ordant iħallas kumpens ta’ tliet snin salarju ta’ maniġer.

Il-każ jirrigwarda lil impjegat David Magro li sostna  li t-tkeċċija tiegħu kienet ingusta, u kif ukoll li l-bank HSBC Bank Malta (plc), allegatament agixxa b’mod diskriminatorju, u dan meta ċaħdu milli jużufruwixxi ruħu mill-proċedura tar-rimedju ntern sabiex jitratta l-ilment tiegħu bl-assistenza tal-union li fiha hu msieħeb  hekk kif stabbilit fil-Ftehim Kollettiv. 

Hu talab lit-tribunal  jordna lill-bank sabiex ihħallas lil David Magro kumpens għat-tkeċċija tiegħu, liema kumpens għandu jkun f’somma ta’ mhux anqas mill-ekwivalenti ta’ tliet snin salarju kif stipulat fil-Ftehim Kollettiv viġenti.

Mis-sentenza tat-tribunal jirriżulta li David Magro kien ġie impjegat mal-HSBC, fis-16 ta’ Frar 1984, u l-aħħar kariga li kellu kienet dik ta’ Branch Maniġer, bil-grad ta’ GCB 5 Maniġer.  Hu kien ħareġ fuq ‘career break’, u dan b’effett mill-1 ta’ Mejju tas-sena 2013, għall-perjodu ta’ sena. Dan il-perjodu ta’ sena kien ġie estiż għal diversi drabi mill-Bank HSBC. Dawn l-estensjonjiet kienu maqbulin bejn David Magro u l-HSBC. Fl-aħħar estensjoni konċessa lil David Magro kien ġie maqbul bejn l- istess partijiet li kellha tkun l-aħħar waħda. 

Ġara li David Magro kien qiegħed jaħdem mal-Gvern ta’ Malta, u dan kif seta’ jagħmel skont il-Ftehim Kollettiv viġenti u mingħajr ma jitlef postu mal-HSBC, u kif ukoll ma jitlef l-ebda benefiċċju li kien eżistenti taħt l-imsemmi ftehim kollettiv. 

Ġara li Magro kien irċieva korrispondenza datata, it-12 t’April tas-sena 2018, mingħand il-Kap Uffiċjal Eżekuttiv (CEO) ta’ dak iż-żmien, Andrew C. Beane, fejn ġie mgħarraf li l-impjieg tiegħu ġie tterminat b’effett mill-ewwel 1 t’April tas-sena 2018. F’din il-korrispondenza kienet saret referenza għal diversi korrispondenzi skambjati bejniethom fix-xhur preċedenti. Permezz ta’ ittra datata id-29 ta’ Jannar 2018, l-istess CEO kien informa lil David Magro li jekk ma kienx se jirritorna għax-xogħol sal-31 ta’ Marzu 2018 il-Bank kien se jikkonsidra l-impjieg tiegħu bħala tterminat. Il-Bank  ma kienx dispost li jkompli jikkonċedi estensjonjiet aktar għall-career break li kien qiegħed jipprevali minnu David Magro. 

David Magro kien talab lil Andrew C. Beane, Kap Ufficjal Ezekuttiv tal-HSBC sabiex jikkonsidra t-talba tiegħu u dan abbażi tal-kontenut tar-risposta. F’din l-ittra l-istess David Magro kien ikkontesta d-deċiżjoni li hu ma jkollux aktar estensjonjiet għall-career break. F’din l-ittra Magro kien ukoll informa lill-Uffiċjal Kap Eżekuttiv, Andrew C. Beane, li jekk ma kienx lest li jikkonsdra d-deċiżjoni li kien ha, hu kien qiegħed jitlob li jirreġistra ‘individual grievance’, u dan kif hemm stipulat fil-Ftehim Kollettiv. 

Intqal li l-Kap Ufficjal Eżekuttiv injora dak li  talab David Magro  u għarrafu  li l-impjieg tiegħu kien itterminat b’mod ħesrem mill-ewwel t’April 2018. 

Mis-sentenza tat-tribunal jirriżulta li fis-sena 2017, David Magro kien iltaqa’ ma’ żewġ uffiċjali tal-bank fejn iddiskutew il-possibbilità li hu jkollu l-career break estiża sal-aħħar ta’ Marzu tas-sena 2018. L-HSBC kien informa lil David Magro  permezz ta’ email datata l-10 t’April 2017, li l-estensjoni li kien se jinghħata kellha tkun l-aħħar waħda. L-HSBC kien qal li Magro kien ukoll ta’ ndikazzjoni li wara l-aħħar ta’ Marzu tas-sena 2018 kien se jirriżenja jew jirritorna fl-impjieg tiegħu mal-Bank. L-HSBC għamel  referenza għall-email ta’ David Magro fejn hu kien aċċetta, mingħajr ebda kundizzjoni, l-estensjoni msemmija,  kellha tkun l-aħħar waħda. 

Fis-sentenza  intqal li “wara l-elezzjoni tas-sena 2017, David Magro ġie kkonfermat bħala l-Kap Eżekuttiv tal-ARMS Ltd, u l-HSBC ikkorrisponda, permezz ta’ email bid-data tas-17 ta’ Lulju ma’ Magro dwar x’kienet se tkun il-pożizzjoni tiegħu wara li tiġi fi tmiemha l-career break, dan kif kienu qablu l-partijiet fl-eventwalità li tissejjaħ elezzjoni qabel Marzu tas-sena 2018.”

Intqal li sussegwentment Magro kien inħatar Ufficċjal Kap Eżekuttiv tal-Malta Freeport Corporation u għalhekk  reġa’ talab għall-career break oħra permezz ta’ ittra datata is-6 ta’ Dicembru tas-sena 2017. Intqal li l-Bank kien irċieva ittra bid-data tas-6 ta’ Diċembru 2017 mingħand il-Ministru tat-Turiżmu ta’ dak iż-żmien, Konrad Mizzi, fejn kien talab li tiġi estiża l-career break ta’ Magro. Il-bank kien wieġeb għall-imsemmija ittra tal-Ministru tat-Turiżmu. 

Kien l-Uffiċjal Kap Ezekuttiv tal-Bank  li wieġeb għall-ittra ta’ Magro fid-29 ta’ Jannar tas-sena 2018, fejn it-talba tiegħu kienet gġiet rifjutata. Il-Bank kien ikkonċeda biss estensjoni sal-aħħar ta’ Marzu 2018. David Magro kellu jipprovdi d-deċiżjoni finali tiegħu sal-1 ta’ Marzu, u f’każ li ma kienx se jirritorna ghħall-impjieg tiegħu fl-1 t’April, l-istess impjieg kien se jiġi tterminat. 

L-HSBC sostna li Magro ma kienx irritorna fl-impjieg tiegħu fl-1 t’April  u dan kif kienu qablu l-partijiet u l-istess bank ittermina l-impjieg tiegħu.

Il-bank saħaq li ma kien hemm l-ebda terminazzjoni nġusta u lanqas diskriminazzjoni ma’ Magro u dan għax kien David Magro li  kiser il-ftehim li kien sar bejn il-partijiet, ossia li l-career break tiġi estiża għall-aħħar darba sal-aħħar ta’ Marzu tas-sena 2018.  Il-bank sostna li Magro kien inghħata diversi estensjonjiet tal-career break matul is-snin, u dan minkejja li l-Ftehim Kollettiv jistipula perjodu ta’ massimu ta’ tnax-il xahar. Il-bank isostni li Magro għamel ħames snin fuq career break u għalhekk ġie aġevolat sew mill-bank.

Il-bank sostna li ma kien hemm l-ebda bżonn proċedura ta’ rimedju ntern ġaladarba kien hemm qbil bejn il-partijiet fuq din il-kwistjoni li tikkonċerna estensjoni għat-tkomplija bil-career break ta’ David Magro. 

Intqal li mill-provi u mix-xhieda jirriżulta li David Magro kien ibbenifika minn dak li jipprovdi l-Ftehim Kollettiv ta’ dakinhar,  fejn impjegat seta’ jingħata sa massimu ta’ tnax-il xahar leave bla ħlas bhħala Career Break. Dan il- career break kien fid-diskrezzjoni tal-Bank. 

“Dan it-Tribunal jibda biex jeżamina din il-klawsola u li kjarament tghħid li dan il-career break hu fid-diskrezzjoni tal-bank. Mill-provi rriżulta wkoll bl-aktar mod ċar li Magro mhux tnax-il xahar ghħamel fuq career break iżda addirittura ħames snin, mis-sena 2013 sas-sena 2018, u dan dejjem bl-approvazzjoni tal-bank.  Mill-banda l-oħra rriżulta wkoll mix-xhieda prodotti u kif ukoll mid-dokumenti esebiti li Magro kien ried li jirreġistra ‘individual grievance’, jiġifieri li jagħmel użu mill-proċedura nterna provduta mill-bank  fil-Ftehim Kollettiv, u dan sabiex ikun jista’ jressaq l-ilment tiegħu. Hu iżda irċieva ittra fejn l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Bank  Andrew C. Beane, kkonferma l-pożizzjoni tal-Bank li l-impjieg ta’ Magro kien itterminat. 

David Magro, ippreżenta affidavit u fih qal li Sonny Portelli kien issuġġerielu li jekk ma kienx se jieħu estensjoni ohħra japplika għall-iskema tal-irtirar volontarju. David Magro saħaq li Portelli għalkemm qatt ma kien wegħdu li t-talba għall-estensjoni tal-career break tiegħu kienet se tintlaqa’, kien ittamah li s-soluzzjoni kienet se tiġi riżolta  favur tiegħu. David Magro saħaq li l-bank ċahħħdu mid-dritt li jirrikorri quddiem il-Grievance Board, u dan skont kif jistipula l-Ftehim Kollettiv. 

In kontro-eżami Andrew C. Beane ikkonferma li kienet teżisiti l-proċedura li meta mpjegat iħossu aggravat jirrikorri quddiem il-Grievance Board. Dan il-Bord kien joħroġ mill-ftehim kollettiv.

Fis-sentenza, it-tribunal qal li matul dan il-kontro-eżami is-Sur Beane kien evażiv għad-domandi tal-konsulent legali ta’ Magro dwar il-Grievance Board u għaliex Magro ma tħalliex li jirrikorri ghħalih. 

Intqal li Beane ikkonferma li Magro ġie mċaħħad milli jidher quddiem il-Grievance Board. 

It-Tribunal iqis li il-bank  mingħajr ma ħa inkonsiderazzjoni l-Ftehim Kollettiv iddeċieda arbitrajament li jċaħħad lil Magro milli jirreġistra l-ilment tiegħu quddiem il-Grievance Board. Dan it-Tribunal iħoss li anke jekk għas-saħħa tal-argument Magro ma apprezzax il-fatt li l-bank kien ikkonċedielu diversi estensjonjiet minn dak li kien jipprovdi l-ftehim kollettiv li kien dak sa massimu ta’ tnax-il xahar, l-istess Magro kellu dan id-dritt li jressaq l-ilment tiegħu quddiem il-Grievance Board, u dan kif wara kollox jirriżulta mill-istess ftehim Kkollettiv. Kien hawn li l-bank aġixxa b’mod diskriminatorju ma’ Magro u dan meta ċaħħdu milli jressaq l-ilment tiegħu quddiem il-Grievance Board. 

It-tribunal qal li “jekk wieħed jirraġuna bil-mod li bih il-Kap Uffiċċjal Eżekuttiv irraġuna, allura ma jsirux il-Ftehimiet Kollettivi (Collective Agreements) għall-ħaddiema u jiddeċiedu arbitrarjament il-prinċipali (employers) dwar il-kwistjonjiet li jinqalgħu. Dan żgur li mhux aċċettabbli fid-dritt industrijali u tax-xogħol. Dwar il-Ftehmiet Kollettivi (Collective Agreements) 

Mill-banda l-oħra dan it-Tribunal jaqbel mal-bank dwar l-argumenti ta’ diskriminazzjoni minħabba l-estensjonijiet ulterjuri li kien talab David Magro.  Hu żgur ma jistax jargumenta li l-bank iddiskrimina miegħu, meta hu ghamel mis-sena 2013 sas- sena 2018, ħames snin sħaħ fuq career break. 

It-Tribunal laqa’ l-ewwel tliet talbiet hekk kif impostati fir-rikors ta’David Magro, u ċaħad ir-raba’ u l-ħames talba.  It-Tribunal ordna lill-Bank HSBC Bank Malta  sabiex fi żmien xahar mid-data ta’ din id-deċiżjoni jħallas bħala kumpens lil David Magro, s-somma ta’ mhux inqas mill-ekwivalenti ta’ tliet snin salarju kif stipulat fil-Ftehim Kollettiv.

Sport