Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-football?
Bdejt il-football ta’ età żgħira u meta kont l-iskola kien l-għaxqa tiegħi nilgħab fil-ħin tal-break ma’ sħabi.
Il-Furjana kont nilgħab ukoll kull meta kien ikolli ċ-ċans u għalhekk il-logħba tal-ballun daħlet ġo fija sew. L-istess ballun sar ħabib tiegħi u biż-żmien dan il-passatemp wassalni sabiex insir player li lgħabt ma’ diversi clubs f’Malta.
Ftit tal-jiem ilu kelli ċ-ċans nilgħab l-400 logħba fil-kampjonat Premier ma’ Floriana u dan għalija huwa sodisfazzjon kbir għax ifisser li tajt kontribut kbir lil-logħba domestika.
X’tikkummneta dwar l- esperjenza preżenti tiegħek tiegħek ma’ Floriana?
Lgħabt ma’ Floriana diversi drabi u dejjem ippruvajt nagħti l-aqwa tiegħi kull meta lbist il-flokk aħdar u abjad tal-club.
Bla dubju li l-aqwa mument tiegħi tal-karriera mal-Greens kien fis-sena 2011 meta rbaħna l-FA Trophy. Dakinhar jien kelli l-unur li jkolli l-faxxa ta’ captain u li għollejt it-trofew ma’ sħabi.
Għalija kien bonus li kont captain tat-team … u għall-Furjaniżi li għelibna lir-rivali eterni Valletta.
Ċertament li ma ninsa qatt dan il-mument anke għax dak huwa l-uniku trofew maġġur li rbaħt fil-karriera tiegħi.
Nistgħu nipparagunaw it-team li rebaħ dik l-FA Trophy mat-team Furjaniż tal-lum il-ġurnata?
L-ewwelnett hemm differenza ta’ 11-il sena bejn dawn iż-żewġ timijiet.
Kull team ikollu l- prestiġju tiegħu u dak iż-żmien kellna players tajbin u ferm tekniċi. Il-coach kien Michael Woods li tana kuraġġ kbir sabiex naslu għal dak it-tragward li mmirajna għalih. Ivan Woods kien skorja l-goal tar-rebħa fl-aħħar mumenti ta’ din il-finali … niftakar sew dak il-goal. Kemm fraħna u ċċelebrajna!
Issa jekk insemmi t-team li ninsab miegħu bħalissa, huwa wieħed kollettiv b’diversi żgħażagħ ta’ talent straordinarju.
Jien inħossni privileġġat li qiegħed ma’ dan it-team fejn jien nipprova ngħin mill-aħjar li nista’ lil dawn il-players żgħażagħ li għandhom futur sabiħ.
Fuq kollox il-coach Gianluca Atzori hu ferm bravu u jagħti kas tad-dettall u dan jagħmlu wieħed uniku.
Fl-aħħar mill-aħħar nasal biex ngħid li kull skwadra li kont fiha jien kellha t-tajjeb tagħha.
Semmejt l-400 logħba li lgħabt fi tmiem din il-ġimgħa li għaddiet kontra Sirens. Kemm int sodisfatt li lħaqt dan it-tragward?
Iva, il-Ħadd li għadda kelli s-sodisfazzjon li nilħaq dan it-tragward tant prestiġġuż meta ħames minuti minn tmiem il-logħba dħalt nilgħab minflok Andrei Ciolacu.
Fil-veritá kelli ċ-ċans nilħaq l-400 logħba aktar qabel iżda minħabba injuries kif ukoll għax il-kampjonat waqaf minħabba l- pandemija … kelli nistenna.
Minkejja kollox kuntent li ta’ 38 sena kelli ċ-ċans nasal għal din il-ġurnata.
Bħalissa Floriana jinsabu fl-ewwel post tal-klassifika tal-Kampjonat Premier b’punt vantaġġ fuq Hibernians. Taħseb li kapaċi tirbħu l-kampjonat?
Iva nemmen li kapaċi nirbħu l-kampjonat għax s’issa qed inkunu l-iktar team konsistenti.
Madankollu dan huwa kampjonat diffiċli minħabba li t-timijiet fl-ogħla diviżjoni Maltija huma kollha armati. Se tkun battalja diffiċli sal-aħħar iżda fiduċjuż li kapaċi nagħmluha.
Int li ilek tilgħab għal ħafna snin kif tara li l-football Malti nbidel. Żdied il-livell jew baqa’ kif kien?
Illum qed nara football differenti minn dak li kont nilgħab jien 18-il sena ilu.
Fil-passat kien hemm players individwali li kienu kapaċi jiddeċiedu logħba. Kien ikollok dak il-player li jaqbeż player u xi kultant anke tnejn u jtella’ l-ballun waħdu fil-lasta.
Dan kollu llum m’għadux il-każ minħabba li llum għandek aktar players kollettivi bil-metodu tattiku li wkoll m’għadux kif kien. Il-football illum sar ibbażat fuq il-fiżika u dan jgħodd ukoll għall- football Malti.
Hemm xi logħba jew goal li tibqa’ tiftakar b’mod partikolari?
Bla dubju ma nistax ma nsemmilekx il-logħba li għamilt referenza għaliha aktar qabel bejn Floriana u Valletta. Din nista’ nqisha bħala l-aqwa logħba tal- karriera tiegħi.
Bħala goal li nibqa’ niftakar, nista’ nsemmi meta kont nilgħab ma’ Mosta u skorjajt goal sabiħ kontra Balzan. Niftakar li kont qabbiżt il-ballun minn fuq il-goalkeeper u x’ħin rajt il-ballun fix-xibka lanqas ridt nemmen.
X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar il-grounds fejn jintlagħbu l-logħob mill-ogħla kampjonat Malti?
Żgur li m’għandix għalfejn ingerger miż-żewġ grounds li fihom jintlagħab il-Kampjonat Premier jiġifieri Tony Bezzina Stadium u l-Istadium Nazzjonali. Illum il-grounds huma mantenuti bl-aqwa mod possibbli, ferm differenti minn meta bdejt jien.
U x’inhi l-opinjoni tiegħek dwar il-kontroll tar- referees fl-ogħla kampjonat Malti?
Jien ma nħossx li għandi niġġudika l-kontroll tar- referees minħabba li kulħadd uman u għalhekk suġġett għall-iżball.
Forsi li nista’ ngħid li wasal iż-żmien li tintuża t-teknoloġija sabiex tgħin lill-uffiċjali tal-logħba. Dan huwa mezz li qed jintuża kullimkien u hemm bżonn li anke f’Malta jkun hemm din it-tip ta’ teknoloġija.
Taqbel mal-format preżenti ta’ 12-il team fil- Kampjonat Premier?
Ejja ngħidu li naqbel u ma naqbilx! Hemm ċerti limitazzjonijiet minħabba l-players barranin u t-timijiet Maltin qed inaqqsu mill-players lokali. Ejja ngħidu li 12-il team li qed jipparteċipaw fl-ogħla kampjonat Malti qed ikunu kompettitivi għalkemm mill-banda l-oħra, aktar timijiet ikun ifisser aktar logħob.
U taqbel li team tal-Premier jilgħab bi 11-il barrani?
Jien aktar milli naqbel jew ma naqbilx, importanti li jkun hemm bilanċ bejn il-players Maltin u dawk barranin.
Bħala Floriana, inħoss li qed ikun hemm dan il-bilanċ għax hemm żgħażagħ Maltin ferm interessanti filwaqt li l-barranin li għandna huma ta’ livell għoli. Jien nibża’ biss li ma jkunx hemm post għall-players Maltin u jispiċċaw fuq il-bank tas-sostituti. Il-bilanċ hu ferm importanti f’dan l-istadju.
X’se jkun il-futur ta’ Mano Micallef? Għad narawk involut fil-coaching?
Għalissa qed nistenna tmiem l-istaġun u nara sew x’se jsir. Ma nafx eżatt meta se nieqaf għalkemm jekk nagħmel dan żgur li se nkompli fid-dinja tal-football għax ma nimmaġinax ruħi mingħajr din il-logħba tant sabiħa.
Għandek xi ringrazzjamenti li tixtieq tagħmel?
L-ewwelnett nixtieq nirringrazzja lill-president ta’ Floriana Johann Said u l-kumitat kollu tal-fiduċja li wrew fija. Ma nistax ma nsemmix lill-coaches kollha li kelli li għenuni nsir plejer aħjar.
Fuq kollox anke l-players kollegi tiegħi li kienu miegħi f’dan il-vjaġġ tant sabiħ.
Ħallejt għall-aħħar lill- familja tiegħi għax xtaqt nirringrazzjaha ta’ kemm tatni sapport u kuraġġ sabiex nibqa’ għaddej.
Niżżiħajr ukoll lit-tifla tiegħi Shailey li hi l-partitarja numru wieħed tiegħi u dawk il-clubs kollha li lbist il-flokk tagħhom.
Illum inħares lura bi kburija kbira tas-servizz li tajt lil-logħba!