Friday, April 10, 2026

Manoel Island u Forti Tigne

Aqra wkoll

Nimmaġina li fil-ġimgħat li għaddew smajt dwar l-aħħar żviluppi fir-rigward ta’ Manoel Island u Forti Tigne. Dwar kif dawn issa jinsabu lura għand il-Gvern biex min-naħa tiegħu jgħaddihom lura lill-poplu.

Jekk ma smajtx allura ħa nagħtik il-fatti fil-qosor u mbagħad inwassallek x’naħseb jien.

Bħala fatt fis-sena 2000 Gvern Nazzjonalista ttrasferixxa Manoel Island u Forti Tigne lill-kumpanija MIDI b’konċessjoni għal 99 sena. Ovvjament l-iskop tal-kumpanija  MIDI kien li fiha jsiru proġetti ta’ żvilupp. Fost l-ewwel affarijiet li għamlet il-kumpanija MIDI f’dawn il-postijiet kien li waqqfu l-aċċess lilek u lili għal dawn il-postijiet. B’dak kollu li dan kien ifisser b’mod partikolari għal nies ta’ dawk in-naħat. 

Nies bħali minn Marsaxlokk u inħawi oħrajn fil-madwar, bħal Birżebbuġa, konna imdorrijin b’dan it-tip ta’ aġir, imma mill-Ingliżi. Ix-Xlukkajri ma konniex nistgħu mmorru ngħumu l-Ponta tal-Marbat, hemmhekk kien għall-Ingliżi biss, irrelevanti li ta’ imqarbin li konna xorta konna nidħlulhom. It-tfal ta’  Birżebbuġa ma setgħux imorru jgħumu jew jistadu Kalafrana. Hemm ukoll kien għall-Ingliżi biss. Parti mill-Marsa l-Maltin ma setgħux jersqu lejha, lejn “il-Marsa tal-Ingliżi”. U nista’ nibqa’ għaddej b’għadd ta’ inħawi oħrajn madwar Malta kollha, imma dejjem taħt l-Ingliżi u mhux Maltin iċaħħdu lill-Maltin.

Lura għas-suġġett. Ġara li għal xi raġuni jew oħra MIDI weħlu. Bdew affarijiet u ma komplewx. Tifhimx ħażin. Ir-restawr tal-Forti Manoel huwa eżempju ewlieni ta’ xogħol li għamlu. Restawr li ma sarx b’xejn. Għamlu xogħol mhux m’għamlux, imma mhux bir-ritmu li kien imwiegħed lil min silifhom flus taħt diversi skemi. Sadattant iż-żmien beda jgerbeb. 

Il-Malti issa beda japprezza u jirrealizza li hemmhekk, Manoel Island u l-Forti Tigne, huma TIEGĦU. Riedhom lura. Bdew kampanji kemm minn individwi kif ukoll minn għaqdiet non-governattivi u ambjentali biex dan iseħħ. Saru protesti fuq il-post.

Ngħiduha kif inhi: iżjed faċli tgħid milli tagħmel. L-Ingliżi jgħidulek “easier said than done”. Il-kuntratti huma kuntratti. L-obbligi kuntrattwali huma obbligi kuntrattwali. Jekk trid spjegazzjoni aktar ċara dwar x’qed ngħidlek nirrakkomandalek tistaqsi lill-eks-Kap Nazzjonalista Bernard Grech.

Madankollu deher li ż-żmien beda jagħfas fuq il-kumpanija MIDI biex tibda tħallas lura lil min investa magħha fuq din l-avventura. Min-naħa l-oħra bdiet tiżdied ukoll il-pressjoni fuq il-Gvern, allura issa Gvern Laburista, biex dan il-ġojjell b’xi mod jinġieb lura u jingħata lura lill-poplu. U għamel sew li l-Gvern Laburista ta l-piż mistħoqq lill-kampanji li kienu għaddejjin. 

Il-Gvern Laburista attwali, b’għaqal għaraf isib kull toqba mnejn seta’ jidħol biex jinforza l-possibiltà li jieħu lura dawn il-postijiet. Ovvjament dejjem b’mezzi legali. Għax immaġina x’kien iqum kieku Gvern Laburista qabad u ħa bil-forza dak li rnexxielu jieħu saħansitra bla ma rrikorra għall-Qrati.

Lejn nofs Marzu li għadda, wara proċess twil ta’ negozjati l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li kien intlaħaq ftehim mal-kumpanija MIDI. Negozjati li bdew bil-kumpanija MIDI jitolbu €78 miljun għax-xogħol li kienu għamlu. Negozjati li finalment wasslu għal ftehim fuq €43 miljun.

F’daqqa waħda daħal fix-xena l-Partit Nazzjonalista li IRONIKAMENT qed jgħid illi l-Gvern aġixxa għax kien pressat minnu. Tarax jaħasra! Possibbli li l-Partit Nazzjonalista ma jgħaddilux minn moħħu li l-ewwel reazzjoni għal dan hija dik naturali: mhux aħjar m’għamiltx dak li għamilt fis-sena 2000 meta kont fil-Gvern? Mhux Gvern Nazzjonalista kien li daħal fil-ftehim inkwistjoni mal-kumpanija MIDI?

Madankollu naħseb li l-ġustizzja titlob li wieħed imur lura għal x’setgħu kienu ċ-ċirkostanzi 25 sena ilu li wasslu lill-Gvern Nazzjonalista jiddisponi minn ġojjell bħal dak bil-mod li bih iddispona. Nemmen li huwa dan li għandu jagħmel il-Partit Nazzjonalista llum. Jiġġustifika dik id-deċiżjoni. Jgħid lill-poplu x’wasslu għaliha. Kien dahru mal-ħajt finanzjarjament?

Possibbli li l-Partit Nazzjonalista mhux qed jirrealizza li l-poplu jaf jgħodd sal-għaxra? Possibbli li l-Partit Nazzjonalista mhux jirrealizza li l-poplu qed jagħmel il-kontijiet tiegħu? Possibbli li l-Partit Nazzjonalista mhux jirrealizza li l-poplu huwa konxju mill-fatt illi KIEKU l-kumpanija MIDI ma sabitx ruħha fis-sitwazzjoni attwali KIEKU ma kienet tidħol għall-ebda negozjati mal-Gvern u kienet tkompli bil-pjan oriġinali tagħha?

Issa ma neħodhiex bi kbira li l-Partit Nazzjonalista joħroġ b’xi teorija li Gvern Nazzjonalista ta’ allura kien ħalla toqob apposta fil-kuntratt li permezz tagħhom Gvernijiet sussegwenti setgħu b’xi  mod jirrinegozjaw il-kuntratt biex kollox jitreġġa’ lura.

Sadattant l-akbar daħka tibqa’ illi kieku ma kienux huma Manoel Island u Forti Tigne kienu jibqgħu għand il-kumpanija MIDI, dik il-kumpanija li kienu huma li nnegozjawhom magħhom. X’kull waħda u x’kull waħda!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport