Kien nifs ta’ sodisfazzjon għal ħafna, dak li tħabbar nhar it-Tnejn filgħaxija jiġifieri li Manoel Island u Tigne se jerġgħu jmorru lura għand il-poplu. Din is-saga kienet ilha għaddejja. Ħafna kienet inkwetati fuq dawn iż-żoni u x’kien se jiġri minnhom.
Għalhekk dak imħabbar serraħ ras ħafna nies. Il-fatt li l-Bord tad-Diretturi tas-soċjetà MIDI aċċetta li jiġi terminat il-ftehim tal-konċessjoni taċ-ċens, li kien iffirma Gvern Nazżjonalista lura fis-sena 2000 dwar Manoel Island, tfisser li issa dan l-ispazju se jerġa’ jmur għand il-poplu. Ifisser li dawn iż-żoni importanti f’żona urbana, issa se jkunu għat-tgawdija tal-pubbliku inġenerali.
Id-deċijoni u dak li seħħ hu wieħed pożittiv għall-aħħar. Hi deċiżjoni favur il-poplu u favur in-nies li jgħixu fil-viċinanzi. Minkejja dan iżda il-proċess li finalment wassal għal din id-deċiżjoni ma kienx wieħed faċli. Kien proċess li kellu l-mument iebsin tiegħu u dan għax il-ftehim ta’ konċessjoni, li kienet iffirma minn amministazzjoni Nazzjonalista, liema konċessjoni kienet għal 99 sena, il-ħsieb ewlieni warajha kien biex din l-art tiġi żviluppata.
Wieħed irid jirrimarka ukoll li dawn l-artijiet mhux biss se jerġgħu jgħaddu għand il-poplu, imma fuqhom se ssir ħidma biex dawn is-siti li jinsabu f’waħda mill-aqwa żoni tal-pajjiż, jinbidlu f’parks nazzjonali għall-familji. Dan ifisser li Manoel Island u Forti Tigné se jingħaqdu ma’ proġetti oħra ta’ spazji miftuħa li l-Gvern qed jippjana, fosthom il-White Rocks f’Baħar iċ-Ċagħaq, Fort Campbell fil-Mellieħa u Forti San Salvatur fil-Kottonera.
Wieħed ma jridx jinsa li lura għal Ġunju li għadda, l-Gvern kien ressaq protest ġudizzjarju fil-konfront tal-konsorzju MIDI b’rabta ma’ Tigne Point u Manoel Island.
Dakinhar il-Gvern kien asserixxa l-pożizzjoni tiegħu fil-konfront tal-kumpanija MIDI, li ma wettqitx l-obbligi tagħha skont il-kuntratt pubbliku tal-15 ta’ Ġunju 2000 li bih ġew konċessi lilha b’ċens għal 99 sena artijiet u binjiet f’Tigne Point Tas-Sliema u f’Manoel Island il-Gżira. Dakinhar il-Gvern qal li għamilha ċara illi l-kumpanija għandha tħallas il-penali dovuti minnha u illi huwa mhuwiex bi ħsiebu jestendi t-terminu għat-tlestija tax-xogħlijiet jew jirrinunzja għal xi drittijiet skont il-kuntratt. Dakinhar il-Gvern qies dan bħala l-ewwel pass li jirrifletti l-impenn pubbliku li ta l-Prim Ministru Robert Abela biex l-art ta’ Manoel Island tingħata lura lill-poplu fl-interess u l-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin.
Il-konsorzju kien wieġeb u kien qal li kien jinsab lest li tinstab soluzzjoni mal-gvern.
Illum hu ta’ sodisfazzjon għal kulħadd, li dan il-kapitlu ingħalaq.Għeluq li għandu jkun sodisfatt bih kulħadd. Dan għax finalment hu l-poplu Malti li se jkun qiegħed igawdi u dan bil-kisba mill-ġdid ta’ spazju pubbliku li kien meħud.

