Saturday, March 29, 2025

Manolito Micallef jispira lil Floriana għal rebħa kbira

Aqra wkoll

Manolito Micallef kien ta’ ispirazzjoni għal Floriana Veterans hekk kif ġabu fix-xejn lil Hibernians u rebħulhom 8-0 f’logħba mill-VMFA Cisk Premier League.

Micallef skorja erba’ gowls bi Glenn Bonello, Brian Said, Emerson Amaira u awtogowl li ssiġġillaw id-dominanza Furjaniża.

B’din ir-rebħa, Floriana baqgħu fl-ewwel post tal-klassifika u għandhom vantaġġ ta’ żewġ punti fuq l-eqreb rivali tagħhom Gżira United Veterans.

Gżira United Veterans baqgħu jżommu l-pass wara rebħa tajba ta’ 4-2 kontra Żejtun Red Stars. Il-Gżirjani kienu qed jitilfu 1-0 iżda għarfu jdawru r-riżultat favurihom sabiex ħadu tliet punti importanti.

Justin Grioli kien l-istilla għall-Maroons meta skorja hat-trick filwaqt li Daniel Mariano Bueno aċċerta r-rebħa għat-tim tiegħu b’gowl ieħor.

Żejtun Red Stars kellhom lil Charlo Magro awtur ta’ doppjetta personali.

Fit-tielet post hemm Birkirkara St Helen’s li għelbu lil Rabat Veterans 7-3.

Kif jindika l-iskor, kienet logħba mimlija gowls u azzjonijiet offensivi miż-żewġ naħat għalkemm il-Karkariżi kellhom xi ħaġa aħjar mill-avversarji tagħhom.

Jean Pierre Mifsud Triganza u Christian Caruana skorjaw żewġ gowls kull wieħed b’Firas Aboulezz, Ayrton Buhagiar u Federico Marine li għaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom.

Rabat kellhom lil Adam Smeir, Timothy Zammit u Gilbert Camilleri li sabu x-xibka.

Iċ-champions MFPA ġejjin f’tagħhom wara li għelbu lil Żurrieq Wolves 5-2.

Mark Barbara skorja tliet gowls għal Malta Football Players Association filwaqt li Alexander Ribic u George Frendo għaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom.

Mario Camilleri u Kevin Vella skorjaw il-gowls taż-Żrieraq.

KLASSIFIKA – VMFA CISK PREMIER LEAGUE

Floriana 30, Gżira United Veterans 28, Birkirkara St Helen’s 23, MFPA 22, Rabat 14, Żurrieq Wolves 9, Hibernians 3, Żejtun Red Stars 0.

Sport