Friday, December 27, 2024

Manuel Delia jdoqq u Bernard Grech jiżfen

Jikteb FRANS GHIRXI

Aqra wkoll

Bħal bosta qed insegwi dak li qed jingħad u li qed jiżviluppa fir-rigward dwar allegat abbuż minn benefiċċji finanzjarji li jingħataw għal diżabilità severa. Abbużi, li jekk pruvati, allura huma nuqqasijiet li għandhom ikunu penalizzati. Inkiteb u intqal ħafna u ħafna dwar dan. Il-fatt li b’dan ‘l-iskandlu’ mhux qegħda tkun ivvintata r-rota fejn jidħlu ‘skandli’ ta’ din ix-xorta ma japplikax. Abbuż ma jiġġustifikax abbuż ieħor. Imma xorta għandu jkun ikkunsidrat dak li qed jiżviluppa.

Fost l-artikli li qrajt il-Ħadd li għadda dwar dan l-episodju kien hemm dak ta’ Manuel Delia f’The Sunday Times of Malta intitolat ‘Buying streets’. Iva, Manuel Delia, dak b’dellijiet twal isegwuh kulfejn imur, riflessi fuqu mit-tbażwira u fjask li daħħal lil pajjiżna fih bil-famuża Arriva. L-istess Delia li fih hemm riflessa theddida kontinwa, mannara lesta biex tintuża għal qtugħ ir-ras ta’ s’issa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech. L-istess Delia li jidhirli li qatt ma ċaħad dak li nkiteb dwaru li kien għamilha ċara lil Bernard Grech li “jew timxi kif ngħidulek jew inħabbtu bieb ieħor”. Fi kliem ieħor, kif għamilnik, inneħħuk.

Nhar il-Ħadd li għadda Delia, wara pinzellati kif jogħġbu lilu qalilna li “but as more facts emerge about what Labour is willing to do to secure their victories in the street, it should become clearer that it has become impossible in this country to have free and fair elections”.

Tibqa’ b’ħalqek miftuħ wara li taqra darba, darbtejn, tlieta kitba bħal din minn min jaħseb li għandu xi demokrazija gwappa tiġri fil-vini tiegħu. X’kull waħda u x’kull waħda! Ara min irid jitkellem dwar elezzjonijiet ġusti u ħielsa f’pajjiżna. Veru li m’għandux xi ħafna età Manuel Delia imma lanqas m’hu żgħir biżżejjed biex qatt ma kellu ċans jaqra u jfittex dwar l-elezzjonijiet ġenerali ta’ pajjiżna. Żgur li xi darba jew oħra qara dwar kif ikunu l-ĦNIŻRIJIET fl-elezzjonijiet. L-elezzjonijiet tas-Snin Sittin huma aktar minn biżżejjed għal eżempju ta’ kif l-elezzjonijiet ma jkunux ħielsa u ġusti. U kif minn ĦNIŻRIJIET bħal dawk iggwadanja u rikeb kukkużejt fuqhom il-Partit Nazzjonalista. L-istorja ma jbiddilha ħadd, lanqas Manuel Delia.

Imma ħalli ma niżvijjax. Ma niżvijjax għax il-punt tiegħi huwa li għal darb’oħra Manuel Delia nhar il-Ħadd li għadda fakkar lil Bernard Grech li l-futur tiegħu fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista jinsab f’idejh u f’idejn il-klikka tiegħu. Theddida riflessa fl-aħħar sentenza tal-artiklu, eżattament wara dak li kkwotajt ftit aktar ‘il fuq. Manuel Delia temm l-artiklu tiegħu hekk: No wonder the PN appears to have given up and gone on near-permanent holiday. (Mhux ħaġa tal-iskantament li l-PN jidher li qata’ qalbu u mar fuq btala kważi permanenti).

Manuel Delia qed jgħid lil Bernard Grech ‘m’inti tagħmel xejn. Qiegħed frisk bħal ħassa. Rieqed raqda nobis’. U balleċ Bernard Grech il-messaġġ ħadu. Il-Ħadd stess talab biex jitlaqqa’ b’urġenza l-Parlament ħalli jiddiskuti l-każ. Aktar tard Bernard Grech ried juri kemm qed jobdi lil Manuel Delia u sejjaħ għal protesta quddiem il-Parlament għal nhar it-Tnejn li għadda. Manuel Delia jdoqq u Bernard Grech jiżfen.

Sadattant nibqa’ intenni li ebda abbuż m’għandu jiġġustifika ieħor. Jekk kien ħażin il-bieraħ huwa ħażin illum. Imma ċertament li m’għandux ikun il-Partit Nazzjonalista li ‘jiskandalizza’ ruħu minn abbużi mill-benefiċċji soċjali. Il-fatti juru li llum dawk dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali huma kważi 60% inqas minn kemm kien hemm meta l-Partit Nazzjonalista ġie xkupat mill-poter fis-sena 2013.

Dwar il-każ inkwistjoni l-Partit Nazzjonalista qed jipprova jinjora s-sewwa magħruf. Meta fl-2021 l-qasba bdiet iċċaqċaq li seta’ kien hemm xi forma ta’ abbuż, il-każ ġie riferut lill-Pulizija. Investigazzjonijiet mill-Pulizija ma jibdewx u jintemmu f’siegħa. Kif stqarr il-Prim Ministru li “eventwalment meta sar magħruf kif bdew jiżviluppaw l-investigazzjonijet tal-Pulizija ttieħdu minnufih ukoll id-deċiżjonijiet politiċi. Mingħajr ebda tkaxkir tas-saqajn.”

Imma mhux biss. Indipendentement minn kull investigazzjoni tal-Pulizija l-Gvern ħatar Bord Indipendenti kompost minn tliet membri sabiex jevalwa l-proċess ta’ kif jiġi approvat l-għoti tal-Benefiċċju għal Diżabilità Severa. Il-Bord se jkun presedut mill-Imħallef Emeritus Antonio Mizzi u jinkludi lis-Sinjuri Anthony Scicluna u Raymond Muscat. Il-Bord se:

Jiddetermina x’wassal biex applikazzjonijiet għall-Assistenza għal Diżabiltà Severa minn persuni li allegatament ma kienux medikament eleġibbli ġew aċċettati.

  1. Jistabbilixxi jekk f’dan il-proċess kienx hemm nuqqasijiet jew irregolaritajiet amministrattivi tul il-proċess ta’ verifika inkluż fl-evalwazzjoni medika.
  2. Jeżamina jekk is-sistemi u l-proċessi ta’ sottomissjoni u evalwazzjoni u verifika ta’ applikazzjonijiet għal dan il-benefiċċju humiex b’saħħithom biżżejjed biex jiġi assigurat li l-benefiċċju jingħata biss lil min verament ikun ħaqqu.
  3. Jirrakkomanda kif meħtieġ x’miżuri għandhom jittieħdu sabiex is-sistemi li bihom jiġu sottomessi l-applikazzjonijiet, kif ukoll l-iskrutinju u l-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet innifishom, jissaħħu aktar.

X’differenza minn dak li kien ġara bejn is-sena 2000 u s-sena 2006 taħt Gvern Nazzjonalista. Il-gazzetta tal-Partit Laburista, KullĦadd, nhar il-Ħadd li għadda qalet li bejn dawn is-snin kien hemm sensiela twila ta’ abbużi b’persuni lanqas jersqu quddiem bord mediku u jispiċċaw b’pensjoni….meta l-każ ġie rrapportat lill-Pulizija dan kien twaqqaf wara intervent politiku.

Tal-aħħar: Tiskantax jekk issa jibda l-assassinju tal-karattru tal-membri ta’ dan il-bord indipendenti. In-nannu Grezzju Manxela kien jgħidli biex lil min nafu ma nistaqsix għalih.

Ekonomija

Sport