It-tieni ġurnata tal-Mapfre Euromed Regatta ħolqot frustrazzjoni fost il-flotta minħabba n-nuqqas ta’ riħ suffiċjenti meħtieġ u li kkawża tfixkil fl-iskeda tal-ġurnata.
Sittax-il pajjiż rappreżentat minn 200 baħri kienu mistennija jkomplu bi tliet tiġrijiet ippjanati għall-ġurnata iżda l-kundizzjonijiet tar-riħ ħafif waqqfu kull attentat ta’ tellieqa fil-flotta tal-Optimist. Dan minkejja li ħarġu lejn il-korsa, siegħa wara milli kien ippjanat qabel. Il-paċenzja tagħhom ma ġietx ippremjata u ttieħdet deċiżjoni biex il-flotta terġa’ tmur lura l-art.
Tibdil mill-Majjistral għall-Grigal ippermetta lill-flotot tal-ILCA 4 u ICLA 6 jtellqu f’tiġrija waħda wara nofsinhar. Bir-riħ jasal sa ‘ 5 mili nawtiċi fis-siegħa, il-veloċità minima meħtieġa biex tibda tiġrija, il-flotot setgħu jtellqu tiġrija mimlija tattika u li kull deċiżjoni kienet essenzjali biex jinkiseb riżultat tajjeb.
Fil-Klassi ILCA 4, Benjamin Vassallo minkejja li kklassifika fit-tielet post, żamm il-vantaġġ tiegħu, bi tmien punti. Ir-rebbieħ tat-tellieqa tal-lum, Jake Mallia, tela’ post fil-klassifika proviżorja bi ħdax-il punt, filwaqt li l-Bulgaru Mariyan Shangov, niżel fit-tielet post.
Malta kienet rappreżentata tajjeb ukoll fil-Klassi ILCA 6. Il-postijiet inbidlu fil-klassifika mill-bieraħ. Matthew Flores, proviżżjorament qiegħed fl-ewwel post, tliet punti qabel Jean Paul Zahra u Lacey Aquilina – it-tnejn li huma għandhom 18-il punt. Notevolment Aquilina rnexxielha tegħleb lill-favorita tar-regatta Irene De Tomás Perelló, li issa niżlet fir-raba’ post.
It-tlielaq se jkompli, għada t-Tnejn 19 ta’ Diċembru mill-1000hrs, bil-kundizzjonijiet tar-riħ mbassra li jkunu aħjar.
Il-Kampjonati Internazzjonali Mapfre Euromed qed jiġu ospitati mill-Malta Young Sailors Club taħt l-awspiċji tal-Malta Sailing Federation. Il-Kampjonati huma appoġġjati minn Mapfre Middlesea, Yachting Malta, Zhik, Greens Supermarket, S&D Yachting, Kellog’s u Farsons.
Għal aktar informazzjoni żur – https://www.maltayoungsailors.com/homepage-2/euromed/