Saturday, December 21, 2024

Mapfre Euromed Regatta – Rebbieħ Deċiż fl-aħħar minuta

Aqra wkoll

Ir-rebbieħ tal-wieħed u għoxrin edizzjoni tal-Mapfre Euromed International Regatta, ospitata fil-bajja tal-Mellieħa mill-Malta Young Sailors Club u miżmuma taħt l-awspiċi tal-Malta Sailing Federation, kien deċiż fl-aħħar mument.

Il-kundizzjonijiet tat-temp tat-Tlieta kienu l-aktar calmi mill-erbat ijiem kollha tal-avveniment b’riħ ta’ madwar 7 mil-nawtiku fis-siegħa u baħar b’imbatt mill-inqas. 

Meta sal-bieraħ il-maġġoranza tal-baħħara kienu mifrudin b’punt wieħed jew tnejn, ma kien hemm l-ebda dubju li kull punt kien se jiġi miġġieled għalih.

Flotta Optimist

Timmy Vassallo, li sal-bieraħ kien fit-tieni post iżda b’punti ndaqs ma’ Jonas Micallef, għeleb lil Micallef b’punt wieħed biss biex rebaħ il-Kategorija Senior. Kategorija li kienet ikkontestata ħafna. Fit-tielet post kien l-Ispanjol Tim Lubat li minkejja prestazzjoni kemmxejn skarsa lbieraħ irnexxielu jitla’ fil-klassifika biex spiċċa fit-tielet post.

Intant fil-Klassi tal-Beginners, Michael Cremona reġa’ tela’ fl-ewwel post, wara li lbieraħ tilef il-post temporanjament minn Jacob Carl Delia li llum niżel fit-tielet post. Timothy De Cesare reġa’ tela’ fit-tieni post, tliet punti taħt Cremona u tliet punti qabel Delia.

ILCA

Fi Klassi 4, Benjamin Vassallo għeleb lil Shaun Aquilina għall-ewwel post. Aquilina li kellu jumejn ta’ tlielaq konsistenti ferm kien megħlub minn Vassallo b’żewġ punti fl-aħħar ġurnata tat-tiġrija. Il-Kanadiż Carlo Charabati żamm it-tielet post tiegħu, u spiċċa b’erbatax-il punt wara Aquilina.

Jean Paul Zahra, li tellaq fil-Klassi 6 wera li kien il-persuna li wieħed kellu jegħeleb fl-aħħar ġurnata ta’tlielqa. Zahra rebaħ l-aħħar tliet tlielaq u għeleb lil Matthew Flores għall-ewwel post. Flores, li kien ilu jżomm l-ewwel post fil-jiem ta’ qabel kellu jikkuntenta bit-tieni post. Fit-tielet post kien Dimitris Vertsonis li ma rnexxilux jirrepeti l-ġirja bla telfa tal-bieraħ.

“Malta Young Sailors Club jinsab sodisfatt ħafna bir-riżultat tal-Mapfre Euromed International Regatta ta’ din is-sena. Kien ta’ sodisfazzjon li stajna nilqgħu lura baħħara internazzjonali, li wħud minnhom huma klassifikati tajjeb ħafna fuq livell mondjali irrimarka Christian Bajada, Commodore – Malta Young Sailors’ Club. “Naturalment, ninsabu kburin ħafna meta naraw baħħara Maltin jikkompetu u jmorru tant tajjebq qalb dawn l-atleti ta’ livell internazzjonali.  Dan jur li hemm futur sabiħ għaż-żgħażagħ tagħna” temm jgħid Bajada.

Il-Malta Young Sailors Club esprimiet l-gratitudni tiegħi lil Mapfre Middle Sea Insurance, Yachting Malta, lill-Malta Sailing Federation u b’mod partikolari lill-voluntiera kollha li għamlu l-avveniment possibbli.

Ekonomija

Sport