Saturday, December 21, 2024

MAPFRE Malta tappoġġa Villa Bianca, l-aħħar proġett tal-Malta Trust Foundation

Aqra wkoll

MAPFRE Malta, rappreżentata minn MAPFRE Middlesea u MAPFRE MSV Life, iffirmaw ftehim mal-Malta Trust Foundation biex jappoġġjaw l-aħħar proġett tagħha, Villa Bianca – spazju li fih it-tfal u ż-żgħażagħ jistgħu jesperjenzaw il-mużika u l-arti. 

Il-ftehim ġie iffirmat mill-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca f’isem il-Malta Trust Foundation u l-Kap Eżekuttiv Etienne Sciberras f’isem MAPFRE MSV Life u l-Kap Eżekuttiv Javier Moreno f’isem MAPFRE Middlesea plc. 

Villa Bianca, li qed jitwaqqaf mill-Malta Trust Foundation, huwa proġett li joffri sessjonijiet mużikali u terapija tal-mużika lil tfal u ż-żgħażagħ li m’għandhomx aċċess għal esperjenzi artistiċi bħal dawn. Dan iċ-Ċentru se jesplora l-mużika fil-qalba tiegħu, bit-tama li jestendi s-servizzi tiegħu għal arti oħra fil-futur. 

Marie Louise Coleiro Preca spjegat li,  “Il-mużika għandha s-setgħa li tappoġġa, u tittrasforma l-esperjenza umana. Dawn it-tfal jistħoqqilhom aċċess għall-arti li tista’ tgħin fl-iżvilupp tagħhom personali.” Dan l-ispazju għall-mużika huwa bbażat fuq it-twemmin li l-esperjenzi artistiċi jistgħu jgħinu lill-individwi jikkomunikaw u jesprimu ruħhom, u dan iwassal għal sens ta’ setgħa u kapaċità, kemm jekk mużikali kif ukoll jekk le.  

Etienne Sciberras ikkummenta li “MAPFRE MSV Life hija kuntenta li tikkontribwixxi għal inizjattiva bħal din u temmen li ħafna tfal b’kapaċitajiet differenti se jibbenefikaw ħafna milli jkollhom opportunitajiet u esperjenzi mużikali bħal dawn.” 

Javier Moreno qal li “il-valuri etiċi b’saħħithom huma fundamentali għan-negozju tagħna u jiffurmaw il-pedament tal-kultura korporattiva tagħna, nemmnu li jeħtieġ li nikkontribwixxu għall-benesseri tas-soċjetà u din il-kollaborazzjoni se tgħin lit-tfal b’diżabilità jiżviluppaw aktar ħiliet permezz tal-mużika. MAPFRE tkompli tikkontribwixxi lejn is-soċjetà, u nħossuna privileġġjati li nkunu nistgħu ngħinu inizjattivi bħal dawn”. 

Villa Bianca tirrikonoxxi li t-tfal u ż-żgħażagħ kollha, anke dawk l-aktar vulnerabbli, li għandhom kapaċitajiet u modi uniċi kif jesprimu ruħhom. Villa Bianca se tadotta servizzi li huma personalizzati, fejn individwi jkunu iggwidati lejn l-aktar programm ta’ benefiċċju, kemm jekk dan ikun fuq bażi individwali jew fi grupp. Se jappoġġja wkoll it-tagħlim tal-mużika fi ħdan iċ-ċentru.

Ekonomija

Sport