MAPFRE MSV Life p.l.c. irreġistrat profitt qabel it-taxxa ta’ €16.6 miljun għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2021, żieda ta’ 10.7% fuq is-sena ta’ qabel. Barra minn hekk, wara ż-żieda fil-kapital tal-azzjonisti f’Marzu 2021, il-fondi totali tal-azzjonisti ammontaw għal €221.7 miljun fl-għeluq tal-2021, li jirriflettu żieda ta’ 37.4% fuq is-sena ta’ qabel.
Gross Premiums miktuba għas-sena finanzjarja 2021 ammontaw għal €325.1 miljun, żieda ta’ 20.6% fuq l-ammont ta’ €269.6 miljun is-sena ta’ qabel, riżultat ta’ domanda qawwija fil-linji kollha tan-negozju. Fl-istess ħin, Net Claims żdiedu b’16.8% għal €305.0 miljun matul is-sena, l-aktar bħala riżultat ta’ xejra kontinwa li tara żieda fil-kuntratti ta’ single premium fuq terminu medju li jimmaturaw. Proporzjon kbir ta’ kuntratti li kienu qed jimmaturaw ġew sussegwentement investiti mill-ġdid f’kuntratti ġodda fuq terminu medju sa twil.
F’kummenti dwar dawn ir-riżultati, il-Kap Eżekuttiv ta’ MAPFRE MSV Life plc, Etienne Sciberras, iddikjara li “l-irkupru ekonomiku u ż-żieda fil-livelli ta’ likwidità flimkien mal-proposti attrajenti tagħna fis-suq sostnuti minn kredenzjali finanzjarji b’saħħithom komplew imexxu d-domanda għall-prodotti tagħna. MAPFRE MSV Life tkompli tkun l-għażla ppreferuta għal eluf ta’ policyholders fejn jidħlu l-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet finanzjarji tagħhom fit-tul. Il-proposta ta’ valur tagħna fil-protezzjoni tal-ħajja, it-tfaddil, l-investimenti u l-pensjonijiet privati tkompli toffri soluzzjoni għall-ħtiġijiet finanzjarji varji assoċjati mal-istadji differenti tal-ħajja tal-klijenti tagħna.”
L-assi totali tal-MAPFRE MSV Life p.l.c. żdiedu b’6.2% għal €2,721.3 miljun fl-aħħar tal-2021, filwaqt li l-provvedimenti tekniċi netti (inklużi kuntratti ta’ investiment mingħajr DPF) żdiedu b’3.8% għal €2,437.6 miljun. Il-value of in-force business, li jipproġetta trasferimenti futuri lill-azzjonisti li jirriżultaw minn poloz in force fl-aħħar tas-sena, żdied b’12.8% għal €87.1 miljun fl-2021. Dan huwa attribwibbli għall-impatt ta’ dħul ta’ negozju ġdid, titjib fit-technical margins u titjib fil-prestazzjoni tal-mortalità.
Il-MAPFRE MSV With-Profits Fund kien ta’ € 2.25 biljun fil-31 ta’ Diċembru 2021, minn €2.18 biljun fl-2020, bit-tkabbir ikun riżultat kemm ta’ dħul minn negozju ġdid kif ukoll minn returns fuq il-klassijiet ta’ assi differenti li fihom jinvesti dan il-Fund, parzjalment ikkumpensat minn ħruġ ta’ poloz li mmaturaw.
F’analiżi tal-iżviluppi għall-2021, iċ-Chairman Mhux Eżekuttiv tal-Bord tad-Diretturi ta’ MAPFRE MSV Life, Dr Gordon Cordina osserva li “l-azzjonisti ta’ MAPFRE MSV Life huma impenjati bis-sħiħ li jiżguraw li l-Kumpanija tibqa’ kapitalizzata b’mod adegwat f’kull ħin u f’pożizzjoni tajba għat-tkabbir tan-negozju.”
Is-solvency ratio kien ta’ 226.1% fi tmiem l-2021. Iż-żieda fis-solvency ratio hija primarjament attribwibbli għaż-żieda fil-kapital, iż-żieda fil-qligħ miżmum (retained earnings) u t-titjib fis-swieq kapitali matul is-sena. Id-Diretturi rrevedew il-ħtiġijiet kapitali tal-Kumpanija fuq terminu medju li ġej fi ħdan il-qafas ta’ Solvency II u rrakkomandaw dividend nett ta’ €2 miljun għas-sena finanzjarja 2021.
B’ħarsa ‘l quddiem, is-Sur Sciberras indika li, “Minkejja l-isfidi riċenti fl-isond tal-gwerra fl-Ukrajna, it-tħassib persistenti dwar il-COVID-19 u ż-żieda fl-inflazzjoni, aħna nkomplu nżommu ħarsa pożittiva għall-futur. Aħna ffukati bis-sħiħ fuq l-implimentazzjoni tal-pjan strateġiku approvat mill-Bord għat-3 snin li ġejjin. Dan il-pjan iżomm lill-klijent fiċ-ċentru tal-istrateġija tan-negozju tagħna, jibni fuq it-trasformazzjoni diġitali u l-ambizzjoni tagħna, jirrikonoxxi is-saħħa tan-netwerk ta’ distribuzzjoni tagħna u l-professjonalità u d-dedikazzjoni tal-impjegati tagħna – kollha elementi mportanti għall-implimentazzjoni f’waqtha u effettiva tal-pjan.”
Is-Sur Sciberras temm jgħid, “Ir-riżultati pożittivi miksuba fl-2021 huma xhieda tal-mudell tan-negozju reżiljenti u dinamiku tagħna, is-saħħa tal-karta tal-bilanċ tagħna u l-impenn tal-azzjonisti tagħna biex jiżguraw li l-Kumpanija tibqa’ kapitalizzata b’mod adegwat u f’pożizzjoni tajba għat-tkabbir tan-negozju. L-impjegati tagħna jibqgħu l-akbar assi tagħna flimkien mal-lealtà tal-klijenti tagħna li jkomplu jagħżlu MAPFRE MSV Life, xhieda ta’ fiduċja fil-brand tagħna u fil-kwalità tal-proposta tas-servizz tagħna.”
Dr Gordon Cordina tenna l-aspettattivi pożittivi tal-azzjonisti fil-prestazzjoni futura tal-Kumpanija: “Naraw potenzjal kbir fis-suq Malti, u qed nimmiraw għal tkabbir f’oqsma ġodda, sostnuti mill-kapaċità unika ta’ MAPFRE MSV Life li tipprovdi l-infrastruttura teknika meħtieġa. u netwerk ta’ distribuzzjoni biex dan iseħħ”.
Il-Bord jesprimi l-gratitudni u l-apprezzament tiegħu għall-maniġment u l-istaff għall-impenn u l-kontribut tagħhom għal sena oħra sodisfaċenti, għall-intermedjarji għall-appoġġ kontinwu tagħhom u għall-ħafna klijenti leali talli poġġew il-fiduċja tagħhom f’MAPFRE MSV Life p.l.c.