Friday, January 30, 2026

Mapfre u l-BOV jgħaqqdu n-netwerk ta’ distribuzzjoni biex iniedu strateġija għall-2026 iffukata fuq il-klijent

Aqra wkoll

Mapfre Middlesea, Mapfre MSV Life u l-Bank of Valletta (BOV) laqqgħu n-netwerk ta’ distribuzzjoni tagħhom għal sessjoni strateġika bil-għan li jfasslu direzzjoni waħda u ċara, li tpoġġi lill-klijent fil-qalbha tagħha. Dan l-eżerċizzju saħħaħ l-impenn komuni tagħhom biex jgħinu lill-klijenti jippjanaw, jipproteġu ruħhom u jibnu reżiljenza finanzjarja. L-avveniment, li sar fi Trident Park, l-Imrieħel, laqqa’ flimkien it-tmexxija reġjonali u tal-fergħat, it-timijiet taċ-Ċentri tal-Investiment u professjonisti tal-Private Banking biex jallinjaw il-prijoritajiet, isaħħu l-implimentazzjoni u d-djalogu dwar il-klijenti u l-ħtiġijiet tagħhom.

Fid-diskors tal-ftuħ, il-Kap Eżekuttiv tal-BOV, Kenneth Farrugia, enfasizza kemm hu essenzjali li jkun hemm kollaborazzjoni bla xkiel f’kull qasam. “Il-klijenti tagħna jistennew ċarezza, konsistenza u fiduċja. Dan jibda bi front kummerċjali wieħed u magħqud. L-2026 se tkun sena ta’ allinjament aktar b’saħħtu, żvilupp tal-ħiliet u implimentazzjoni aktar iffukata; kollox intiż biex nipprovdu gwida finanzjarja li n-nies jistgħu tassew jafdaw,” qal Kenneth Farrugia.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Mapfre Middlesea, Etienne Sciberras, u l-Kap Eżekuttiv ta’ Mapfre MSV Life, Elvira Lopez de La Merida, ippreżentaw l-istrateġija ta’ tiġdid tal-branding ta’ Mapfre, li tirrifletti l-impenn taż-żewġ kumpaniji lejn l-innovazzjoni, iċ-ċarezza u l-fiduċja tal-klijent. “L-identità ġdida tal-brand tagħna mhix biss bidla viżiva. Hija wegħda mġedda li npoġġu lill-klijent fiċ-ċentru ta’ kull interazzjoni,” sostna Etienne Sciberras. Min-naħa tagħha, Elvira Lopez de La Merida żiedet tgħid, “Hekk kif dħalna fl-2026, se niffukaw biex insaħħu r-relazzjonijiet, nissimplifikaw l-offerti tagħna u niżguraw li l-klijenti jħossu li għandhom appoġġ f’kull stadju tal-vjaġġ finanzjarja tagħhom.”

Iċ-Chief Personal & Wealth Officer tal-BOV, Simon Azzopardi,  enfasizza l-fażi li jmiss ta’ din is-sħubija u l-momentum meħtieġ biex jogħla l-livell tal-pariri finanzjarji. “L-għan tagħna għall-2026 huwa sempliċi: irridu nwasslu pariri li jkunu konsistenti, umani u ta’ valur reali. Meta jkun hemm l-għarfien, empatija u ċarezza, inkunu qed nagħtu s-setgħa lill-klijenti jieħdu deċiżjonijiet li jsaħħu l-benessri tagħhom fit-tul,” qal Simon Azzopardi.

F’taqsima dwar l-andament ekonomiku, l-ekonomista tal-BOV Kurt Davison tkellem dwar il-forzi demografiċi u finanzjarji li qed ibiddlu l-ippjanar tal-irtirar f’Malta, u saħaq kemm qed issir kruċjali t-tħejjija minn kmieni u l-importanza ta’ drawwiet ta’ tfaddil fit-tul.

Alex Bezzina, Kap tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet, introduċa t-timijiet għal għodod ġodda u li jiffaċilitaw it-tkabbir, fosthom għodod ta’ gwida mmexxija mill-Intelliġenza Artifiċjali bil-għan li  jissaħħu d-diskussjonijiet ibbażati fuq il-ħtiġijiet, kif ukoll programmi ta’ żvilupp kontinwu għall-impjegati. Roberta Bellizzi, Kap tal-Prestige Client Network tal-BOV, spjegat kif l-impjegati jistgħu jappoġġjaw lill-klijenti meta jkunu qed jgħaddu minn mumenti importanti fil-ħajja, bħal xiri ta’ dar, bidliet fil-karriera u tħejjija għall-irtirar. “In-nies tagħna se jgħinu lill-klijenti jittrasformaw l-intenzjoni tagħhom f’soluzzjonijiet finanzjarji rilevanti,” qalet Roberta Bellizzi.

Matul is-sessjoni, Mapfre ppreżentat il-ħarsa strateġika għal din is-sena , b’enfasi fuq il-klijent u l-innovazzjoni. Dan ġie segwit minn preżentazzjonijiet miż-żewġ organizzazzjonijiet dwar l-andament ekonomiku u finanzjarju għall-2026, l-implikazzjonijiet kummerċjali u operattivi għan-netwerk ta’ distribuzzjoni, l-introduzzjoni ta’ għodod li jiffukaw fuq l-involviment tal-klijent immexxija mill-IA, titjib fil-ġenerazzjoni ta’ leads skont l-aspettattivi tal-klijenti, u l-importanza ta’ relazzjonijiet fit-tul u soluzzjonijiet finanzjarji bbażati fuq il-ħtiġijiet tal-individwu.

Il-kelliema saħqu li d-dejta, it-teknoloġija u l-eċċellenza fil-pariri se jkunu ċentrali biex tintlaħaq esperjenza aktar personalizzata fl-oqsma kollha.

L-avveniment intemm b’kummenti miċ-Chairperson tal-BOV Dr Gordon Cordina, li rrifletta dwar ir-realtajiet ta’ finanzjament li qed jinbidlu għall-familji Maltin. “Illum, il-familji qed jiffaċċjaw għażliet finanzjarji dejjem aktar kumplessi. Permezz ta’ din is-sħubija, aħna f’pożizzjoni b’saħħitha biex niggwidaw lill-familji minn deċiżjonijiet fuq żmien qasir għal sigurtà finanzjarja fit-tul,” qal Dr Gordon Cordina.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport